Internazzjonali

Jivvutaw għall-President fin-Niġerja

Il-poplu tan-Niġerja qed jivvota fl-elezzjonijiet Presidenzjali, bil-President attwali, Goodluck Jonathan, qed jiffaċċja sfida iebsa mingħand il-kandidat rivali, Muhammadu Buhari.

Fil-fatt l-osservaturi qalu li din għandha tkun l-aktar elezzjoni missielta mindu n-Niġerja saret pajjiż indipendenti.

L-elezzjoni kienet posposta b’sitt ġimgħat biex l-Armata tan-Niġerja jkollha żmien biżżejjed ħalli tmexxi offensiva u taħtaf lura l-artijiet lill-militanti Iżlamiċi tal-grupp Boko Haram. Dawn il-militanti, fl-aħħar xhur, qatlu l-mijiet tan-nies f’diversi reġjuni tal-pajjiż.

Sadanittant, il-President Jonathan u Buhari impenjaw ruħhom biex jevitaw il-vjolenza waqt l-elezzjoni kif ukoll fil-jiem u l-ġimgħat ta’ wara.

Intant l-aħħar rapporti qalu li l-votazzjoni ser tibqa’ estiża sa għada.