Lokali

L-investigazzjoni għandha tħares ukoll lejn l-aħħar sentejn

L-investigazzjoni dwar xogħol li sar f’Għawdex mill-Ministeru ta’ Għawdex m’għandhiex tieqaf sad-9 ta’ Marzu 2013 imma għandha tħares ukoll lejn dak li sar fl-aħħar sentejn.

Qal dan ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha semma’ li fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet f’Għawdex hemm biża’ fost l-uffiċjali li nħatru minn Gvern Laburista.

Dan għaliex jekk l-investigazzjoni tiġi estiża u tkopri wkoll l-aħħar sentejn, iridu jiġu nvestigati wkoll allegazzjonijiet li uffiċjal ġdid maħtur minn Gvern Laburista biex jaħdem fid-Dipartiment qed juża materjal u ħaddiema biex jagħmel xogħol privat u allegazzjoni oħra li ristorant ġdid f’Marsalforn sar b’materjal tal-Gvern.

Chris Said qal li jekk l-aħħar sentejn ma jkunux investigati, u l-investigazzjoni ddur biss mal-allegazzjoni li r-raġel ta’ Giovanna Debono uża fondi pubbliċi biex jaqdi lill-kostitwenti, din allura tkun prova oħra ċara dan il-każ qed jintuża biss bi skopijiet politiċi.

Filwaqt li staqsa jekk l-investigazzjoni għadiex għaddejja u x’ġara s’issa dwar dan il-każ, Chris Said għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista hu kontra kull abbuż u jaqbel li tittieħed azzjoni hekk kif jingħalqu l-investigazzjonijiet jekk jirriżulta li dan hu minnu.

Chris Said qal dan filwaqt li fakkar li Gvern Laburista hu magħruf li jaqla’ xi każ li jkun ilu jaf dwaru meta jkun dahru mal-ħajt.

Qal li dan mhux aċċettabbli li każi bħal dawn jintużaw mill-Partit Laburista u jinżammu moħbija sakemm il-Partit Laburista jaqbillu u jkollu bżonn xi ħaġa biex jiddevja.

Chris Said fakkar kif qabel l-elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista kellu l-każ tal-Cafe’ Premier u x-xiri taż-żejt minn kumpanija tal-Gvern tal-Ażerbajġan fejn l-Awditur Ġenerali ċanfar bil-kbir skandlu li, bħal fil-każ tal-Cafe’ Premier kien hemm involut il-Prim Ministru waqt li f’dak tax-xiri taż-żejt kien involut il-Ministru Konrad Mizzi.

Dwar dawn il-każi baqa’ ma sar xejn, ma ttiħditx azzjoni u ħadd ma refa’ r-responsabbilta’ anzi minflok il-Gvern iddevja l-attenzjoni u qajjem il-każ tar-raġel tal-eks Ministru Giovanna Debono.

Din hi tattika ta’ Gvern li jipprova jitfa’ u johrog b’allegazzjonijiet li fl-aħħar xhur fl-aħħar mill-aħħar baqgħu ma wasslu għall-ebda verdett ta’ ħtija, bħal fil-każ ta’ George Pullicino u dak dwar l-Isptar Mater Dei.

Għal darb’oħra l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jiżvela ftit ftit xi ħaġa ġdida bl-għan li jġebbed b’dan il-każ matul il-kampanja elettorali kollha.
Dwar dan il-każ il-Partit Nazzjonalista segwa l-allegazzjonijiet, skopra min hu l-whistleblower u sar magħruf li dan il-persuna ltaqa’ u tkellem mal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo dwar flus li kellu jieħu u għalhekk joħroġ li dan il-persuna kien ilu f’kuntatt mal-Gvern Laburista għal minn tal-inqas sena.

Fisser dan bħala prova ċara li l-Gvern qed jinqeda bil-każ għal skop politiku u mhux għax verament irid jaqta’ l-abbuż.

Chris Said għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista la jaf u lanqas għandu jkun jaf fiex x’qed jirriżulta mill-investigazzjoni qabel din tkun konkluża u qal li alla ħares il-Gvern ikun nvolut fl-investigazzjoni.

“Għalhekk hemm il-Pulizija u l-investigaturi u nittamaw li jitħallew jagħmlu xogħolhom u dan jagħmluh tajjeb,” temm jgħid Chris Said.

Intant fi stqarrija il-Partit Nazzjonalista l-Prim Ministru Joseph Muscat daħal fi sqaq u ma jafx minn fejn se joħroġ minnu.

L-istqarrija tgħid li dalgħodu, ġie żvelat li l-Ministru Anton Refalo, u allura wieħed jassumi li anke l-Prim Ministru nnifsu ladarba hu u Refalo huma tant viċini, ilhom li ngħataw informazzjoni mingħand il-kuntrattur li skont il-Gvern qed jaġixxi bħala “whistleblower” aktar minn sena.

Dan ifisser li Joseph Muscat mhux veru mill-ġurnali sar jaf bil-każ, iżda ilu jaf bil-każ numru ta’ xhur.

Dan huwa aġir ta’ Prim Ministru li s-serjetà ma jafx x’jiġifieri u li jaġixxi biss biex iħammeġ u jara x’jista’ jirbaħ politikament. Joseph Muscat irid jiftakar li llum m’għadux ġurnalist iżda Prim Ministru, u l-interessi ta’ Prim Ministru għandhom ikunu s-serjetà u l-ġustizzja.

Joseph Muscat issa rrealizza li daħal fi sqaq u ma jafx kif se joħroġ minnu. Fid-diskors tiegħu, Muscat ħarab milli jitkellem dwar l-isfida li saritlu biex l-investigazzjoni tibqa’ għaddejja sal-ġurnata tal-llum u ma tieqafx mal-aħħar elezzjoni ġenerali.

Il-poplu Malti u Għawdxi qed jistenna lil Joseph Muscat jgħid hu x’jaf dwar x’ġara f’Għawdex fl-aħħar sentejn itemm l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.