Internazzjonali

L-ittri tal-qattiel Harvey Crippen jinbiegħu għal eluf ta’ liri Sterlina

Numru ta’ ittri miktuba minn Hawley Harvey Crippen, tabib u wieħed mill-aktar qattiela infami tas-seklu għoxrin, inbiegħu għal 11,000 lira Sterlina waqt irkant fir-Renju Unit.

Crippen kien instab ħati li vvelena lil martu, qabel biċċirha u ħeba l-fdalijiet tagħha taħt l-art tal-kantina tar-residenza tagħhom.

Intant, hu kien ingħata l-forka fil-ħabs ta’ Pentonville, (f’Londra) fl-1910 wara li ma ntlaqalux l-appell kontra s-sentenza massima.

Il-każ ta’ Crippen kien wieħed sensazzjonali għal dawk iż-żmenijiet, bit-‘tabib qattiel’ jinqabad waqt li kien qed jipprova jaħrab mir-Renju Unit għall-Kanada, u fejn kien akkumpanjat minn mara oħra, Ethel Le Neve, li libset ‘bħal tifel’ biex ma tqajjimx is-suspetti.

Sadanittant, l-irkantaturi li ħadu ħsieb il-bejgħ tal-ittri ta’ Crippen (li nkitbu waqt li hu kien il-ħabs) qalu li dawn ‘se jibqgħu fir-Renju Unit’. Mifhum ukoll li kien hemm ‘interess partikolarment qawwi’ waqt l-irkant, bin-nies iċemplu mill-Awstralja u l-Istati Uniti biex joffru somom ta’ flus impressjonanti għal dawn l-ittri.

L-irkantatur, Andrew Aldridge, qal li l-ittri inkwistjoni jipprovdu ‘indikazzjoni affaxxinanti’ ta’ dak li kien għaddej minn moħħ Harvey Crippen fl-aħħar jiem ta’ ħajtu.