Lokali

Mid-Duluri għal Ħadd il-Palm għal Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira

Numru ta’ toroq fil-gżejjer Maltin ilbieraħ filgħaxija kienu maħnuqa b’mijiet ta’ nies jimxu wara l-istatwa devota ta’ Marija Addolorata. Ikolli ngħid li ta’ kull sena din il-festa lid-Duluri tibqa’ fost l-akbar u l-aktar devoti.

Hi l-festa li tagħti l-bidu għall-aħħar fażi tar-Randan biex għada l-Knisja tiċċelebra Ħadd il-Palm u hekk tingħata bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa. Imbagħad nhar il-Ħamis li ġej il-Knisja tiċċelebra l-funzjoni sabiħa tal-Ħasil tar-Riġlejn – Ħamis ix-Xirka – u l-għada l-funzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

Dawn li bdejna mill-bieraħ huma jiem ta’ riflessjoni għal dawk kollha li jemmnu li l-ħajja tagħna ma tintemmx mal-mewt. Anzi li l-ħajja tagħna tibda tassew meta nagħlqu għajnejna. Imma dan hu diskors ikkumplikat li mhux l-iskop tiegħu llum.

Fortunatament dawn il-festi se jkunu qed jibdew mal-ingress tal-Arċisqof il-ġdid Monsinjur Charles Scicluna li fil-jiem li għaddew ħa f’idejh it-tmun tal-Knisja f’Malta. Knisja Maltija li m’hix tiegħu iżda li hu se jagħmel ħiltu kollha biex imexxiha fl-aħjar interess tagħha u dan bħala qaddej tal-istess Knisja.

Nisfruttaw mument ta’ entużjażmu
Dan il-mument ta’ entużjażmu fi ħdan il-Knisja tajjeb li jkun sfruttat bl-aħjar mod kwalitattiv possibbli. U dawn il-jiem aħħarija tar-Randan 2015 jipprestaw ruħhom bl-aktar mod ideali għal tali ħaġa. Il-Knejjes tagħna f’dawn il-jiem ikunu mimlija aktar mis-soltu għaċ-ċelebrazzjonijiet qaddisa marbuta mal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Tajjeb li f’dawn il-jiem dawk kollha li jmexxu l-funzjonijiet jagħmlu impenn akbar għal preżentazzjoni u kontenut aktar frisk u aġġornat. Bosta jibqgħu jagħmlu l-iżball li t-tul ifisser kwalità. Qed nitkellem, fost l-oħrajn, għat-tul ta’ ċerti omeliji li ma jispiċċaw qatt u li jdejqu lin-nies. Idejqu lin-nies sal-punt li jnaffru lin-nies milli jmorru l-quddies.

Dawn huma jiem fejn min imexxi l-Quddies għandu jipprepara lilu nnifsu bi ftit punti effettivi u jwassalhom b’mod li jagħmlu differenza. Il-kwalità m’għandhiex bżonn ta’ ħafna tul ta’ ħin.

Hemm imbagħad il-kwistjoni tal-punti mwassla. Il-messaġġ għandu jkun attwali u rilevanti. Il-Papa Benedittu XVI f’dan ir-rigward hu ta’ eżempju klassiku. Ta’ spiss b’messaġġi qosra, b’argumenti ċari u dritt għall-punt.

Inutli ħafna diskors tqil u xi drabi argumenti sorpassati u anakronistiċi. Il-messaġġ għandu jkun sempliċi u li jgħodd għall-ħajja tal-lum.

Jiem b’opportunità tad-deheb
Il-jiem li għandna quddiemna huma opportunità tad-deheb għall-Knisja f’Malta u f’Għawdex biex tattira mill-ġdid lejha lin-nies. Naturalment meħtieġa ħafna freskezza u luċidità.

L-interess u l-imħabba fl-oġġetti reliġjużi hemm qegħda u turija ta’ dawn huma l-biżibilju ta’ wirjiet u inizjattivi li jittieħdu f’dawn il-jiem b’wirjiet dwar il-Passjoni u b’inizjattivi oħra f’kull rokna tal-gżejjer Maltin.

Apparti s-sens qawwi ta’ volontarjat li jġorru magħhom dawn l-inizjattivi – u wieħed japprezza wkoll il-kapaċitajiet kbar ta’ bosta dilettanti li tista’ ssejħilhom artisti mill-aqwa – tajjeb li dawn l-affarijiet ikunu jirriflettu tassew il-messaġġ tal-imħabba li hu l-qofol tal-Jiem Imqaddsa.

Sbieħ huma l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira b’episodji varji mill-Passjoni. Impressjonanti wkoll hu n-numru ta’ persuni li jieħdu sehem fihom b’ilbieb Bibbliku. Forsi wasal il-waqt ukoll li minn dawn il-purċissjonijiet jitneħħew il-famużi persuni mgħammda jkaxkru ktajjen ma jispiċċaw qatt. Dwar dan għandi bosta riservi! U min fl-awtorità tal-Knisja jrid jifhem, għandu jifhem.

Mill-bqija dawn huma jiem sbieħ li jalla jkunu ta’ sustanza u mhux ta’ aljenazzjoni.