L-eks-Kuntistabbli tal-Pulizija Paul Sheehan, li kien ix-xufier tal-eks-Ministru Manwel Mallia, fi spazju ta’ tliet ġimgħat fi Frar u Marzu li għaddew kiser għal darba, darbtejn il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja imposti fuqu mill-Qorti b’rabta tal-każ tal-attentat ta’ qtil tal-Iskoċċiż Stephen Smith meta fid-direzzjoni tal-karozza tiegħu fil-Gżira nhar l-Erbgħa 19 ta’ Novembru 2014, sparalu żewġ tiri ta’ arma tan-nar.
Paul Sheehan kien tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Giovanni Grixti nhar is-26 ta’ Novembru 2014 mis-Supretendent Alexandra Mamo u l-Ispetturi Jesmond Micallef u Saviour Baldacchino.
Dakinhar hu kien akkużat b’disa’ kapi ta’ akkuża, fosthom b’attentat ta’ omiċidju volontarju, bi vjolenza fuq Stephen Smith, bi ħsara volontarja, li ġarr arma mingħajr skop leġittimu, li spara f’post pubbliku, li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u li bħala pulizija għamel reat li kien fid-dmir tiegħu li ma jagħmlux.
Għal dawn l-akkużi Paul Sheehan kien wieġeb mhux ħati. Eventwalment id-Difiża, immexxija mill-Avukat Edward Gatt, talbet għall-ħelsien mill-arrest u hawnhekk il-Prosekuzzjoni – is-Supretendent Alexandra Farrugia u l-Ispetturi Jesmond Micallef u Saviour Baldacchino – oġġezzjonaw minħabba l-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi u tax-xhieda.
Bejn il-Prosekuzzjoni u d-Difiża kienu nqalgħu argumenti kontra u favur il-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni tinqabad inċerta, skomda u inkonsistenti fix-xhieda tagħha tant li l-Maġistrat tal-Għassa Giovanni Grixti kellu jisma’ fuq il-pedana mhux biss lill-Ispettur Saviour Baldacchino li deher mhux infurmat biżżejjed dwar il-każ, imma saħansitra lis-Supretendent Farrugia.
Finalment il-Maġistrat Giovanni Grixti, f’dan l-istadju, kien oppona għat-talba tad-Difiża anki għaliex l-akkuża hi serja u gravi – xi ħaġa li l-Prosekuzzjoni ma kinitx qed issemmi bħala r-raġuni għall-oġġezzjoni tagħha għal-libertà proviżorja.
Fi tmiem dik l-ewwel seduta u meta l-ġurnalisti ħarġu ‘l barra mill-Awla, Pual Sheehan deher imkisser u mar f’waħda mill-irkejjen u nfaqa’ jibki… ikkonslat biss minn omm il-mara tiegħu li kienet preżenti fl-Awla.
Finalment ix-xufier tal-eks-Ministru Manuel Mallia kien ittieħed lejn il-Ħabs ta’ Kordin permezz ta’ vettura tal-Pulizija.
Sussegwentement, meta l-każ beda jinstema’ għall-ġbir tal-provi – u bdiet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja – wara li diversi persuni telgħu fuq il-pedana tax-xhieda u taw il-verżjoni tagħhom, id-Difiża kienet reġgħet talbet għal-libertà proviżorja.
Din id-darba l-Maġistrat Aaron Bugeja laqa’ t-talba u ta l-libertà proviżorja lill-eksxufier tal-Ministru Manwel Mallia fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000 – total ta’ €20,000 li jista’ jitlef lilhom u l-ħelsien tiegħu mill-arrest kemm-il darba jikser xi waħda mill-kundizzjonijiet ibsin imposti fuqu mill-Qorti biex tagħtih il-ħelsien mill-arrest.
Fil-fatt fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti kienet spjegat li kienet rat it-talba għall-ħelsien mill-arrest, rat ir-risposta tal-Avukat Ġenerali datata 12 ta’ Diċembru 2014 u fid-dawl ta’ dan kollu qalet li kienet qed tilqa’ t-talba għall-ħelsien tiegħu mill-arrest preventiv.
Dan b’numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom:
1. Li jidher u joqgħod għall-ordnijiet tal-Qorti.
2. Li jiddepożita fil-Qorti l-passaport u l-karta tal-identità tiegħu.
3. Li ma jħallix Malta jew jinħeba.
4. Li dwar dan il-każ ma jkellem lil ħadd mix-xhieda jew mill-Korp tal-Pulizija.
5. Li ma jagħmel ebda reat ieħor.
6. Li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Sibt bejn it-8am u t-8pm.
7. Li ma jistax joħroġ mid-dar bejn id-9pm u s-7am.
8. Li joqgħod fl-indirizz tiegħu fil-Gżira.
9. Li jagħmel depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000.
Dawk kollha preżenti fl-Awla dakinhar setgħu josservaw ukoll lill-Maġistrat Aaron Bugeja jwissi lill-Kuntistabbli Paul Sheehan li kemm-il darba jonqos minn xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, allura hu jitlef mhux biss is-somma ta’ €20,000, iżda wkoll il-libertà proviżorja li kienet qed tingħatalu.
Minkejja f’dan kollu, bejn is-16 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu li għadda, jiġifieri f’temp ta’ tliet ġimgħat, Paul Sheehan jirriżulta li kiser darbtejn dawn il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.
L-ewwel meta nhar is-16 ta’ Frar li għadda hu naqas milli jmur fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema biex jiffirma l-ktieb ta’ dawk li jkunu qed igawdu mil-libertà proviżorja u t-tieni meta nhar is-7 ta’ Marzu li għadda mar tard – fl-9.48pm – biex jiffirma l-istess ktieb.
Dan meta hu stipulat b’mod ċar li hu jrid imur fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema tliet darbiet fil-ġimgħa – it-Tnejn, l-Erbgħa u s-Sibt – bejn it-8am u t-8pm – biex jiffirma dan il-ktieb.
Fiż-żewġ każi, bil-kitba, inġibdet l-attenzjoni tas-Supretendent Alexandra Mamo u tal-Ispettur Saviour Baldacchino. Mhux magħruf x’passi ħadu dawn il-fizzjali fid-dawl ta’ dawn ir-rapporti bil-kitba.
//= $special ?>