Ambjent Lokali

SHout jgħidu li l-għażla hi bejn min jaf li l-aħjar għażla hi li nimxu ‘l quddiem u min irid l-arloġġ jieqaf

Fil-11 ta’ April, għall-ewwel darba mingħajr l-appoġġ tal-partiti politiċi, il-Maltin issejjħu għal referendum, fejn qed jintalbu jivvutaw LE għall-Kaċċa fir-Rebbiegħa.

Waqt attivita’ fil-Belt Valletta, il-kelliem tal-kampanja SHout Mark Sultana qal li dan ir-referendum għandu tifsira kbira fuq kemm huma l-importanza tan-nies kontra l-interessi egoisti ta’ grupp żgħir ta’ nies.

Il-Kampanja SHout wissiet li jekk l-IVA jirbaħ ir-referendum, ikun qed jintbagħat messaġġ li l-kaċċaturi jistgħu jagħmlu li jridu u jintbagħat messaġġ ċar li Malta ser tippermetti l-kaċċa fir-Rebbiegħa meta pajjiżi oħra fl-Ewropa ma jagħmlux hekk.

Mark Sultana kompla li bħalma ġara f’referenda oħra, ir-riżultat ta’ dan ir-referendum ikun għażla bejn min jaf li l-aħjar għażla hi li nimxu ‘l quddiem u min irid li l-arloġġ jibqa wieqaf.

Hu qal li għaliex riedu referendum, l-attivisti tal-kampanja SHout kienu mgħajjra bħala anti-demokratiċi u intolleranti u kien hemm protesti fit-toroq u quddiem il-qrati sabiex jitwaqqaf dan il-proċess.

Mark Sultana ikkritika wkoll il-filmati selettivi fil-mezzi tax-xandir taż-żewġ mexxejja politiċi fejn ma jintwerewx l-istqarrijiet pubbliċi tagħhom li jħallu f’idejn in-nies kif se jivvutaw.

Il-kelliem ta’ SHout qal li ħafna jafu li l-politiċi jixtiequ li din il-kontroversja tispiċċa darba għal dejjem bil-kaċċaturi, għal snin twal, jirrikattaw il-politiċi bil-vot.