Il-President tal-Jemen, Abdrabbuh Mansour Hadi, akkuża lill-Iran b’li qed jiddistabbilizza pajjiżu, filwaqt li fisser lir-ribelli ‘Houthi’, li huma fattur kruċjali fl-aħħar kriżi tal-Jemen, bħala ‘strumenti u pupazzi tal-Iran’.
Sadanittant, l-Arabja Sawdija qalet li l-intervent militari fil-Jemen li ilu għal dawn l-aħħar jiem għandu jkompli ‘sakemm il-pajjiż jerġa’ jsir stabbli u jista’ jserraħ rasu mis-sigurta’. Dan wara li l-ajruplani tal-koalizzjoni militari taħt tmexxija Sawdi attakkaw il-pożizzjonijiet tar-ribelli ‘Houthi’ fl-ibliet tal-Jemen għat-tielet lejl koneskuttiv.
Il-President Hadi — li sa ftit ilu kellu jaħrab mill-Jemen waqt li r-ribelli ‘Houthi’ avvanzaw fuq il-fortizza tiegħu f’Aden – tkellem dwar is-sitwazzjoni waqt summit tal-Lega Arbija f’Sharm el-Sheikh, fl-Eġittu.
Is-summit kien intiż bħala diskussjoni dwar il-kriżi tal-Jemen, bil-kampanja militari – Operation Decisive Storm – li qed imexxu s-Sawdi tingħata appoġġ minn diversi Stati-membri tal-Lega. Il-kampanja daħlet fis-seħħ minħabba l-avvanzi tal-‘Houthi’ lejn Aden u fejn l-attakki mill-ajru ma servewx ta’ deterrent.
Il-President tal-Eġittu, Abdel Fattah al-Sisi sejjaħ, waqt is-summit, għat-twaqqif ta’ qawwa militari konġunta, bis-sehem tal-pajjiżi Għarab, biex tikkonfronta ‘t-theddid bla preċedent’ għar-reġjun.
L-Eġittu diġa wiegħed it-truppi u l-ajruplani tal-gwerra għal mal-koalizzjoni ‘anti-Houthi’, bil-President al-Sisi jirreferi għall-‘indħil barrani’ fil-Jemen – u bl-analisti jqisu dan il-kumment bħala referenza speċifika għall-Iran.
L-aħħar rapporti mill-inħawi ta’ Aden, lejn in-Nofsinar tal-Jemen, irreferew għal splużjonijiet kbar, fl-inħawi, waqt li ajruplani tal-gwerra kienu qed jikkonċentraw l-attakki fuq depot tal-armi. Intant, in-Nazzjonijiet Uniti, bħalissa, qed tirtira l-istaff tagħha mill-inħawi ta’ Sanaa, il-kapitali tal-Jemen.
//= $special ?>