Il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil qed jerġa’ jdaħħal il-kultura tal-onestà u r-responsabbiltà u b’din id-determinazzjoni, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista trid tkompli tagħmel id-differenza fil-lokalitajiet.
Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit Beppe Fenech Adami qal dan waqt li kien qed jindirizza d-djalogu politiku li sar il-Mosta l-Ħadd filgħodu.
Beppe Fenech Adami qal li l-Partit Nazzjonalista sejjer għal dawn l-elezzjonijiet b’messaġġ li jrid jagħmel id-differenza, u jixraq li fil-Mosta jingħad li fit-tliet snin li għaddew seħħet id-differenza. Spjega li tliet snin ilu, il-Mostin fdaw lill-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista bit-tmexxija ta’ din il-lokalità u llum il-Partit Nazzjonalista qed iroddu lura Mosta isbaħ u aħjar, li nbidlet mil-lejl għan-nhar.
Fil-Mosta l-Partit Nazzjonalista għamel id-differenza għall-aħjar, spjega l-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li sellem lill-Kunsilliera u eks-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista li matul is-snin ħadmu għall-Mosta.
Beppe Fenech Adami fakkar li tliet snin ilu, il-Mosta kellha Kunsill immexxi mill-Partit Laburista bir-riżultat li kien diżastruż, bi ġlied kontinwu bejn il-Kunsilliera tal-Partit Laburista. Dakinhar, il-Partit Nazzjonalista kien saħaq li l-Mosta ma jixraqilhiex li l-Mosta tgħaddi minn dak li għaddiet minnu taħt il-Partit Laburista, sostna l-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Beppe Fenech Adami qal li fil-Mosta saret differenza bl-istess mod li l-Partit Laburista għamel differenza għall-agħar f’San Pawl il-Baħar, bil-Partit Laburista li rebaħ il-maġġoranza tliet snin ilu.
Qal li f’San Pawl il-Baħar, f’Buġibba u l-Qawra llum hemm żdingar u telqa, riżultat tal-ġlied, id-diżgwid u r-riżenji li ddomina fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar b’maġġoranza Laburista.
Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista żied li anke fuq livell nazzjonali, il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel id-differenza mill-Oppożizzjoni. Semma numru ta’ eżempji, fosthom l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, bil-Gvern li kien marbut li jibdel il-liġi dwar din l-iskema għal tliet darbiet bis-saħħa tal-insistenza tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Semma wkoll fil-każ tal-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, bil-Gvern li kien marbut li jnaqqas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel grazzi għall-Partit Nazzjonalista, li għaraf li l-Gvern kien qed jisraq lill-poplu bi prezzijiet ferm ogħla mill-prezzijiet internazzjonali.
Fuq kollox, saħaq il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-Oppożizzjoni għamel id-differenza billi baqgħet tinsisti li jsiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali wara li l-Gvern kien qal li jrid jiffranka l-flus. Dakinhar, fisser Beppe Fenech Adami, il-Partit Nazzjonalista għamel id-differenza u baqa’ jinsisti li għad-demokrazija m’hemmx prezz, u li l-elezzjonijiet kellhom isiru.
Fuq kollox, saħaq il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat ivvinta gidba dwar il-każ tal-isparatura mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, bil-magna ta’ Joseph Muscat li kienet ivvintat gidba u qalet li l-każ kien wieħed ta’ ‘hit and run’.
Fid-diskors tiegħu, Beppe Fenech Adami qal li l-Partit Nazzjonalista kixef dak li pprova jaħbi Joseph Muscat, fosthom iż-żjarat bil-moħbi u minn wara dahar il-poplu, li l-Partit Laburista li għamel fl-Ażerbajġan biex għamel negozju ma’ waħda mill-iktar kumpaniji korrotta, li sewa lill-poplu miljuni ta’ ewro f’telf. Storja li kienet tibqa’ mistura li kieku ma kienx għall-Partit Nazzjonalista, sostna Beppe Fenech Adami.
Żied jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi għandhom jgħidu l-verità u jipprovdu d-dokumenti li l-Awditur Ġenerali kien speċifiku ħafna meta qal li kienu neqsin, fil-każ tal-hedging tal-kumpanija SOCAR tal-Ażerbajġan.
Fakkar ukoll fl-iskandlu tal-Cafè Premier, l-ikbar skandlu tal-Gvern Laburista u l-mod kif kien grazzi għall-insistenza tal-Partit Nazzjonalista li ħarġet il-verità dwar kif Joseph Muscat ħa l-inizjattiva u l-interess biex minn flus il-poplu jaqbad €4.2 miljuni u jħallashom lil kumpanija privata, filwaqt li saħaq li fuq dan il-każ Joseph Muscat għad għandu ħafna xi jwieġeb.
Beppe Fenech Adami temm jgħid li dwar dawn l-istejjer, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tibqa’ tiftakarhom, issegwihom u taħdem fuqhom, bil-għan li toħroġ il-verità kollha li l-Gvern Laburista jrid jaħbi.
//= $special ?>