Internazzjonali

Kritika tal-Unjoni Ewropea għall-Ażerbajġan

Kien hemm kritika għall-mod kif qed jiżviluppaw l-affarijiet fl-Ażerbajġan. Dan hekk kif l-Unjoni Ewropea approvat ir-rapporti tal-2014 dwar il-ġirien tagħha dwar il-progress u n-nuqqasijiet tagħhom matul is-sena li għaddiet. Pajjiżi li huma parti mill-European Neighbourhood Policy Action Plan.
Fost dawn kien hemm l-Ażerbajġan li kien kritikat għall-mod kif qed jimxi l-Gvern.
Fir-rapport li kien jikkonċerna l-Ażerbajġan, l-UE qalet li l-progress demokratiku kien għamel passi lura u l-istess kien jgħodd għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, fosthom tar-reliġjon u l-espressjoni.
Intqal li s-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż kienet kompliet tmur lura minħabba l-introduzzjoni ta’ aktar liġijiet li jxekklu l-libertajiet tal-bniedem u li numru sostanzjali ta’ attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem kienu spiċċaw arrestati. Fejn dan ma seħħx jew wara, dawn kienu projbiti milli jivvjaġġaw barra mill-pajjiż kif ukoll il-kontijiet tagħhom u tal-organizazzjonijiet li kienu jaħdmu fihom fil-Banek kienu ffriżati.
L-Unjoni Ewropea ħeġġet lill-Gvern ta’ Baku biex jibda jieħu passi minnufih biex itejjeb ir-rispett għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan kif ukoll ikun hemm titjib fis-sistema legali u politika fil-pajjiż.
Id-dokument jgħid ukoll li s-sitwazzjoni fin-Nagorno-Karabakh, territorju li kemm l-Ażerbajġan kif ukoll l-Armenja jgħidu li hu tagħhom, għadu lok ta’ tħassib. Territorju li minħabba fih dawn iż-żewġ pajjiżi ilhom maqbuda f’atmosfera ta’ ostilità kbira wara gwerra li kien hemm bejniethom għal dawn l-aħħar 25 sena.