Lokali

L-attakki ta’ Joseph Muscat mhux se jwaqqfu lill-Oppożizzjoni milli tagħmel xogħolha – Roberta Metsola

L-attakki ta’ Joseph Muscat lejn l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhux se jwaqqfu lill-Oppożizzjoni milli tagħmel xogħolha.

Qalet dan ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Roberta Metsola waqt djalogu politiku li sar il-Ħadd filgħodu fil-Mosta. Hi staqsiet għaliex il-Prim Ministru Joseph Muscat jinfexx f’attakki kontra l-Oppożizzjoni kull darba li din tagħmel xogħolha u tikxef dak li l-Gvern Laburista jżomm mistur.

Roberta Metsola qalet li Joseph Muscat, kull darba li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tikxef lill-Gvern Laburista, dejjem jinfexx jgħajjar lill-Partit Nazzjonalista bħala wieħed ‘negattiv’, madanakollu qatt ma jiċħad dak li jkun qed jingħad. Għall-kuntlarju, Joseph Muscat sempliċiment jgħid li għamel żball, u li seta’ jagħmel l-affarijiet aħjar.

Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni staqsiet kif Joseph Muscat jista’ jsejjaħ lilu nnifsu ‘ottimist’, meta llum il-ġurnata qed naraw Prim Ministru li l-ħin kollu jtambar dwar l-ottimiżmu sempliċiment biex inessi lin-nies mill-problemi eżistenti.

Dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, Roberta Metsola qalet li l-esperjenza tal-lokalità tal-Mosta, li fl-aħħar tliet snin kien immexxi minn maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista, tagħti tweġiba awtomatika għalfejn wieħed għandu jmur jivvota.

Spjegat kif il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil qed jippreżenta tim ta’ kandidati ġodda, żgħażagħ u b’ħafna enerġija, u hu l-Partit Nazzjonalista li huwa verament ottimist, b’tim ta’ kandidati li qed iħarsu ‘l quddiem b’demm ġdid, b’enerġija u direzzjoni ċara.

Fakkret li kieku kien għal Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu, l-elezzjonijiet tal-11 t’April ma kinux isiru, filwaqt li tenniet li dawn l-elezzjonijiet għandhom iservu bħala messaġġ ċar li l-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jissaħħaħ u li jinsab miexi fid-direzzjoni t-tajba.