Lokali

L-Oppożizzjoni se tkompli tinsisti kull darba li jkollha raġun – Marthese Portelli

Fl-aħħar sentejn, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista uriet bil-fatti li kellha raġun f’numru ta’ okkażjonijiet, u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkompli tinsisti kull darba li jkollha raġun.

Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli qalet li fil-każ tal-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, il-Partit Nazzjonalista kellu raġun meta insista mal-Gvern li jitraħħsu l-prezzijiet. Dan hekk kif il-poplu Malti għadu qed iħallas għal prezzijiet għolja tal-petrol u d-diesel minkejja li l-prezzijiet internazzjonali qed ikomplu jorħsu.

Marthese Portelli qalet li filwaqt li fl-aħħar sentejn l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għamlet id-differenza fuq livell nazzjonali, daqstant ieħor il-Partit Nazzjonalista jista’ jagħmel id-differenza fuq livell lokali.

Saħqet kif, jekk jiġu mħaddma b’mod tajjeb, il-Kunsilli Lokali jistgħu jagħmlu d-differenza fil-ħajja tagħna, filwaqt li sostniet li hemm differenza bejn il-mod kif il-Partit Nazzjonalista jħares lejn il-Kunsilli Lokali u kif il-Partit Laburista jħares lejhom.

Qalet li kien il-Partit Nazzjonalista li welled il-Kunsilli Lokali u ħadem biex dawn l-elezzjonijiet isiru filwaqt li sostniet li kien il-Partit Nazzjonalista li insista li żgħażagħ ta’ 16-il sena jkunu jistgħu jivvutaw billi jsiru dawn l-elezzjonijiet.

Marthese Portelli qalet li l-Gvern, minflok jagħmel kampanja, mhedi jagħmel konferenzi mhux biex iħabbar x’sar, iżda biex jgħid ‘forsi’ x’se jkun qed jagħmel sentejn oħra. Dan hu Gvern li kemm-il darba qal li l-proġetti tiegħu jinsabu ‘on track’, iżda l-fatti, bħal fil-każ tal-powerstation il-ġdida, juru mod ieħor.