Internazzjonali

Seta jkompli joqtol ‘għaliex il-vittmi kienu prostituti u vvizzjati bid-droga’

Raġel fl-Istati Uniti, li hu akkużat b’lista twila ta’ omiċidji tan-nisa, seta’, fil-fatt, qatel sa 180 persuna wara snin ta’ kaċċa għall-vittmi.

Id-delitti seħħew fl-inħawi ta’ Los Angeles (f’Kalifornja) fuq perijodu ta’ 20 sena u qed jingħad li l-akkużat baqa’ ma nqabadx għal dan iż-żmien kollu ‘minħabba n-nuqqas ta’ impenn’ mill-pulizija. Dan peress li l-vittmi kienu, fil-parti kbira, prostituti jew nisa vvizzjati bid-droga.

L-akkużat – Lonnie Franklin Jr, imlaqqam ‘The Grim Sleeper’ – għandu jibda għaddej ġuri din is-sena b’konnessjoni mal-qtil ta’ mill-anqas għaxar nisa, f’Los Angeles. Il-vittmi, li l-katavri tagħhom instabu mitluqin f’numru ta’ nħawi, kienu wkoll suġġetti għal diversi tipi ta’ aggrediment sesswali.

Sadanittant, dokumentarju tal-produttur tal-films Britanniku, Nick Broomfield, jissuġġerixxi li Franklin irnexxielu jdum joqtol għal daqstant żmien (filwaqt li jimmira għal dejjem aktar vittmi) minħabba li l-pulizija ‘bħal donnhom ma kienx jimpurtahom daqshekk mill-persuni maqtula’. Broomfield qabbel dawn id-delitti ma’ ‘ġenoċidju li sploda qalb is-soċjeta u li ħadd ma kien qed jitkellem dwaru’.

Il-produttur kompla li kieku l-pulizija ta’ Los Angeles investigaw bir-reqqa l-omiċidji u l-għejbien tal-prostituti u n-nisa bil-vizzju tad-droga (li kienu, fil-parti kbira, suwed) ħafna mill-vittmi, x’aktarx, li ma kienx imisshom dan id-destin kiefer.