Gazzetti Ingliżi qed jinterpretaw l-aħħar dehra uffiċjali ta’ Kate Middleton, qabel twelled it-tieni tarbija tagħha, bħala sinjal ċar li t-tarbija li qed iġġorr hi tifla. Dan minħabba l-kowt ta’ lewn roża qawwi li libset fl-aħħar attività uffiċjali, li għal ħafna hu sinjal dirett tas-sess tat-tarbija li dalwaqt titwieled.
Kate Middleton u żewġha, il-Prinċep William, żaru ċ-ċentru Stephen Lawrence f’Londra fejn iltaqgħu ma’ Doreen Lawrence li binha kien inqatel f’attakk b’motivazzjoni razzjali fl-1993. Id-Dukessa kienet tidher f’qagħda tajba ħafna u l-kowt kważi għatta żaqqha għal kollox tant li faċilment setgħet tidher qisha ma kinitx tqila.
Il-ġurnali Ingliżi qalu li l-kowt roża li kienet liebsa kien tad-ditta Mulberry, l-istess bħall-basket li kellha f’idejha. Kienet liebsa wkoll par żarbun b’takkuna rqiqa, li żgur ma kienx faċli għal mara bi tmien xhur tqala.
Kate u William issa mistennija jirtiraw fid-dar tagħhom fejn hu mifhum li hemm ukoll il-ġenituri Middleton. It-tieni tarbija rjali mistennija titwieled ftit ġimgħat oħra, f’April.
//= $special ?>