Il-Kumitat ta’ Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) qal li minn titjira fuq 30% tal-gżejjer Maltin ġiet innutata żieda qawwija fil-kwantità ta’ xbieki għall-qbid illegali tal-għasafar tal-għana.
Il-CABS qal li permezz ta’ sorveljanza mill-ajru, ġew innutati 127 post fejn tqiegħdu x-xbieki għall-għasafar meta f’titjira oħra sena ilu kienu nnutaw 51 post. Qal ukoll li l-postijiet innutati li kellhom ix-xbieki kienu, fil-parti l-kbira tagħhom, użati wkoll f’Ottubru.
Fiona Burrows minn CABS qalet li d-deroga għall-insib fil-ħarifa reġget tat lok għal iktar bejgħ u xiri illegali ta’ għasafar tal-għana li żdiedu fil-prezz. Dan wassal biex ħeġġeġ ukoll iktar insib illegali fir-rebbiegħa. Qalet ukoll li l-ftuħ tal-istaġun fil-ħarifa li għaddiet wassal ukoll għal żieda qawwija fil-kuntrabandu ta’ sponsuni, li huma protetti, mill-Italja fejn inqabdu mill-inqas 2,093 għasfur f’sitt xhur.
CABS qal ukoll li fl-aħħar ġimgħatejn ġew irrappurtati diversi każijiet ta’ insib illegali fejn il-Pulizija ssejħet 11-il darba u nżammu 7 nassaba. Ġew ikkonfiskati wkoll 18-il għasfur tal-għana.
Skont il-CABS, f’Ħad-Dingli ġew irrappurtati l-iktar xbieki illegali, f’20 post, segwit minn Birżebbuġa bi 11-il post, il-Fawwara b’9 postijiet, iż-Żurrieq bi 8, il-Baħrija b’6 postijiet u ż-Żejtun b’5 postijiet. F’Għawdex kien hemm 32 post. Skont il-CABS, diversi nassaba Maltin imorru jonsbu f’Għawdex għax m’hemmx Pulizija tal-ALE.
Waqt li appella lill-pubbliku biex jirrapporta kull każ ta’ insib illegali li jara, CABS qal li l-Pulizija qed twieġeb b’mod iktar immedjat mir-rebbiegħa tas-sena li għaddiet imma l-apparat użat min-nassaba qed jiġi kkonfiskat biss meta n-nassab jaħrab mill-post. Dan iwassal biex nassab jista’ jerġa’ juża l-apparat f’iktar insib illegali.
//= $special ?>