Lokali

Aġġornata: Intużat arma waqt serqa minn supermarket fis-Swieqi

Madwar €2,400 fi flus kontanti nsterqu mis-supermarket ‘Greens Fruit and Veg’ fi Triq ta’ l-Ibraġġ fis-Swieqi. Is-serqa seħħet għall-ħabta tal-9.45 tal-Ħadd filgħaxija.

Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija jirriżulta li raġel ta’ karnaġġjon skur, x’aktarx Libjan, mar ħdejn il-kaxxier biex iħallas imma qabel talab biex joħroġ sa barra jġib il-flus. F’dan il-ħin ix-shutter tal-ħanut kienet imbexxqa għaliex kien wasal il-ħin biex is-supermarket jagħlaq.

Sadattant fil-ħanut kien għad fadal klijenta li ħallset u telqet. Kien hawn li l-barrani daħal lura, ipponta arma lejn wieħed mill-kaxxiera u talab il-flus.

Il-ħalliel, li kien liebes berritta ħamra, hoodie u jeans, ħataf madwar €2,400 fi flus kontanti u ħarab minn fuq il-post. Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ.

Xi ħaddiema tas-supermarket immedjatament bdew ifittxu fl-inħawi madankollu r-raġel li jaqbel mad-deskrizzjoni mogħtija mill-kaxxiera baqa’ ma nstabx. Iktar tard saret tfittxija wkoll mill-Pulizija.

Dwar dan il-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Marseann Farrugia li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta. Mill-ħanut ġew elevati l-oġġetti li r-raġel ġabar mis-supermarket u li allura jistgħu jgħinu fl-inkjesta.

Fl-aħħar jiem seħħet serje ta’ serq.

L-Erbgħa li għadda nsterqu żewġ laptops u iPhone minn appartament fi Triq l-Isponoż fil-Qawra. F’dan il-każ kien seħħ sgass ta’ tieqa tal-istess appartament.

L-għada, il-Ħamis, insterqu madwar €4,000 minn ħanut tal-assikurazzjoni f’Tal-Pieta’. Il-każ seħħ għall-ħabta tas-6.15pm, minn persuna mgaħmmad u armat bi strument li jaqta’ u bil-ponta.

Ftit tal-ħin wara, għall-ħabta tat-8.30 ta’ filgħaxija, persuna mgħammda u armata meta daħlet f’ħanut tal-ikel fi Triq Manwel Dimech u ħadet madwar €100.

Il-Ġimgħa imbagħad seħħew tliet serqiet oħra. Fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu uffiċċju fi Triq Atocia fil-Ħamrun ġie sgassat u ttieħdu madwar €300 u żewġ laptops waqt li fil-5.30pm raġel liebes skufja u armat b’pistola wettaq hold up fi spiżerija f’Pembroke u ħa madwar €40.

Fit-tmienja ta’ filgħaxija imbagħad ħalliel b’wiċċu mgħammad daħal f’ħanut tal-pasti fi Triq Lord Baden u ħa cash register b’inqas minn €400.