Lokali

Barrani jaqla’ daqqa ta’ flixkun għax kien qed jiffilmja ġlieda

Barrani sofra ġrieħi ħfief f’wiċċu wara li skont hu qala’ daqqa ta’ flixkun f’rasu għax kien qed jiġbed filmat ta’ ġlieda permezz tal-mobile tiegħu.

Il-każ seħħ il-Ħadd għall-ħabta tas-19:30 meta żviluppat ġlieda bejn xi Maltin u barranin f’ħanut tax-xorb Triq il-Ħatab, f’San Pawl il-Baħar.

Il-barrani li qala’ d-daqqa ta’ flixkun ma kellux x’jaqsam mal-argument imma rraporta lill-Pulizija li safa’ aggredit mis-sid tal-ħanut fejn seħħet il-ġlieda. Skont hu dan seħħ minħabba l-filmat li kien qed jiġbed.

Jirriżulta li qabel qala’ x-xebgħa, mart is-sid tal-ħanut kienet anke’ ħaditlu l-mobile.

Bil-każ ġew infurmati l-Pulizija tal-Qawra, li mgħejuna mill-uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit waslu fil-post u sar magħruf li kollox beda meta grupp ta’ barranin li kienu fil-ħanut tad-divertiment ħebbew għal żewġ Serbi.

Malli ndunaw b’dak li kien qed iseħħ, żewġ Serbi oħra niżlu minn appartament fil-qrib u komplew fil-ġlieda. Il-ġlieda bdiet teskala, bil-barranin jikkawżaw ħsara fil-ħanut tax-xorb qabel spiċċaw jiġġieldu fit-triq.

Sid il-ħanut qed jinżamm arrestat imma ċaħad li qatt ta’ daqqa ta’ flixkun lill-barrani. Hu allega li l-barrani sar agressiv meta martu ħaditlu l-mobile u qaltlu biex ma jibqax jiġbed il-filmat tal-ġlieda. Kompla li l-barrani sar agressiv anke’ fil-konfront tiegħu wkoll.

Skont il-verżjoni ta’ sid il-ħanut, meta r-raġel resaq lejh biex jipprova jħebb għalih, hu mbuttah bil-konsegwenza li dan waqa’ u ġie fuq il-ħġieġ li kien hemm fl-art.

Is-sidien tal-ħanut komplew li fil-post bdew jaslu wkoll vetturi mimlija persuni oħra ta’ karnaġġjon skur tant li s-sidien beżgħu u daħlu jissakkru fil-ħanut sakemm waslu l-Pulizija.

Jirriżulta li f’xi ħinijiet din il-ġlieda tant kibret u nvolviet nies li fil-post kien hemm mal-20 persuna, kważi kollha barranin.