Lokali

Barrani jirreżisti l-arrest u jċarrat uniformi ta’ Pulizija

Eġizzjan li kien se jiġi arrestat minn Pulizija mill-Għassa taż-Żurrieq irreżista l-arrest, sar agressiv u saħansitra qatta’ parti minn uniformi ta’ uffiċjal.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-ħdax tal-Ħadd filgħaxija barra ħanut fi Triq Vjal Blue Grotto fiż-Żurrieq.

Il-Pulizija waslilhom rapport li r-raġel kien fis-sakra u beda jgħajjeb lin-nies fil-ħanut, irrifjuta li joħroġ ‘il barra u saħansitra kkawża xi problemi.

Malli waslu fil-post l-uffiċjali tal-Pulizija, ir-raġel irrifjuta l-ordnijiet li jmur l-għassa, qabad jgħajjat u jxejjer idu, imbutta lil wieħed mill-uffiċjli u saħansitra qattgħalu l-ingravata tas-servizz.

Kien hawn li l-uffiċjali ma kellhomx triq oħra ħlief li jarrestaw lir-raġel li baqa’ jkun agressiv anke’ waqt li kien fl-għassa.