Kunsilli Lokali Lokali

Bil-vot fil-11 ta’ April il-poplu se jkun qed jieħu deċiżjoni għalih innifsu – Simon Busuttil

Bl-għażla li jagħmel bil-vot tiegħu, il-poplu jkun qed jieħu deċiżjoni għalih innifsu. Il-votant għandu għażla quddiemu u l-għażla jista’ jagħmilha bejn min għamel id-differenza u min falla. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara fil-lokalità tas-Siġġiewi. Simon Busuttil esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma ta’ dan il-Kunsill immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li wieħed faċilment jista’ jqabbel kif jaħdem Kunsill b’maġġoranza Nazzjonalista, bħalma hu s-Siġġiewi, ma’ Kunsilli qrib li għandhom maġġoranza Laburista. Filwaqt li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi wettaq xogħol fuq 2,500m ta’ bankini, il-Kunsill Laburista ta’ Ħal Qormi għamel biss 200m. Barraminhekk, il-Kunsill tas-Siġġiewi rnexxielu jagħmel numru ta’ proġetti mingħajr ma ddejjen, filwaqt li l-Kunsill Laburista ta’ Ħaż-Żebbuġ akkumula dejn ta’ €1.3 miljun.

Is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina elenka tliet proġetti ewlenin li saru fl-aħħar tliet snin. Fost oħrajn, it-toroq tal-lokalità li huma prattikament lesti u l-ħsieb għas-snin li ġejjin hu programm ta’ manutenzjoni. It-tieni proġett hu l-bidla tal-bankini madwar ir-raħal kollu, filwaqt li t-tielet proġett hu dak tal-pavimentar u t-tisbiħ tas-Salib tal-Għolja, li tlesta qabel il-Festi tal-Ġimgħa Mqaddsa u kien inawgurat fl-aħħar jiem. Il-proġett sar b’investiment ta’ €330,000 b’għajnuna minn fondi Ewropej li nkisbu mill-Kunsill.

Karol Aquilina fakkar ukoll li s-Siġġiewi hu wieħed minn sitt Kunsilli Lokali biss li m’għandhomx dejn. Dan minkejja programm qawwi ta’ ħidma, li inkluda wkoll ix-xogħol fuq iċ-Ċentru Ċiviku ġdid, li sewa €500,000. Il-proġett li jmiss għall-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi hu dak ta’ Night Center għall-anzjani, li se jkun l-ewwel wieħed miftuħ u mmexxi minn Kunsill Lokali.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni matul din iż-żjara kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali David Agius, kif ukoll il-Kunsillieri u l-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-11 ta’ April li ġej.