L-għeluq tal-impjant fil-Marsa hu riżultat ta’ investiment ta’ Gvern Nazzjonalista fl-interconnector u fl-impjant tal-BWSC
Iċ-ċerimonja li saret fil-power station tal-Marsa fid-9 ta’ Marzu u li mmarkat l-għeluq tal-impjant fil-Marsa, swiet lill-Gvern €6,574, bil-VAT mhux inkluż.
Din iċ-ċerimonja saret fil-jiem li suppost dan il-Gvern iċċelebra, kif kien wiegħed fil-kampanja elettorali, il-ftuħ ta’ power station ġdida f’Delimara u mhux l-għeluq tal-power station tal-Marsa li ngħalqet b’riżultat ta’ investiment li għamel mhux dan il-Gvern fis-settur tal-enerġija, iżda Gvern Nazzjonalista.
Jiftaħar bl-għeluq tal-power station tal-Marsa iżda mhux bil-power station li wiegħed li se jibni f’sentejn u li ma wettaqx
Bis-saħħa tal-impjant il-ġdid tal-BWSC li beda jitħaddem f’Jannar tal-2013 qabel l-elezzjonijiet ġenerali ta’ Marzu tal-2013, mhux biss żdiedet il-kapaċità tal-enerġija iżda wkoll żdiedet b’mod sinifikanti l-effiċjenza tal-power station f’Delimara.
Filwaqt li dan il-Gvern ma żammx mal-wegħda li jibni impjant ġdid f’Delimara li jaħdem bil-gass f’sentejn għaliex lanqas ġebla waħda għad m’hemm, il-Gvern ta’ Muscat ħass li kellu jiċċelebra l-għeluq tal-power station fil-Marsa b’ċerimonja li swietlu l-flus.
Il-power station tal-Marsa, ingħalqet skont il-pjan u l-investiment ta’ Gvern Nazzjonalista – bl-impjant tal-BWSC li l-Prim Ministru tal-lum kien fisser bħala fabbrika tal-kanċer u li kien se jaqleb għad-diesel sa mill-għada tal-elezzjoni, liema impjant għadu jaħdem sal-lum bil-Heavy Fuel Oil; kif ukoll bit-tlestija tal-interconnector ma’ Sqallija, li dan il-Gvern issa qiegħed jammetti li hu importanti u li se jgħaqqad lil pajjiżna mas-sistema tal-enerġija Ewropea.
Dwar din iċ-ċerimonja li swiet lill-Gvern aktar minn €6,500, il-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi ma tax fil-Parlament l-informazzjoni li talbet ix-Shadow Minister Marthese Portelli, li talbet lill-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-attività li ttelgħet fil-power station tal-Marsa fid-9 ta’ Marzu 2015 dwar l-għeluq tagħha, u jagħti elenku tal-ispejjeż kollha.
Il-Ministru Mizzi ta biss kemm kienet l-ispiża mingħajr il-ħlas tal-VAT, u ma ta ebda elenku tal-ispejjeż li involviet iċ-ċerimonja fl-impjant tal-Marsa.
//= $special ?>