Lokali

“Dalli għandu jieqaf jitfa’ fuq oħrajn ir-responsabbiltajiet li għandu jġorr huwa nnifsu” – Simon Busuttil

“Milli jidher, għal John Dalli, li qaleb għal Partit Laburista u li ġiegħel lil Malta tistħi bit-tkeċċija tiegħu mill-Kummissjoni Ewropea mhux ħażin biżżejjed”.

Dan kien kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, b’referenza għall-artiklu prinċipali tal-gazzetta The Malta Independent, bl-isem “John Dalli says Simon Busuttil helped orchestrate his downfall“, ippublikat dalgħodu.

Simon Busuttil qal li, jidher li għal Dalli, dan kollu ma kienx biżżejjed, u issa qed jipprova jimplika l-involviment tiegħu b'”teoriji assurdi”.

Simon Busuttil ċaħad kategorikament li hu kellu x’jaqsam, b’xi mod jew ieħor, mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tal-eks President tal-Kummissjoni Jose Manuel Barroso, li Dalli jitneħħa.

Simon Busuttil irrefera wkoll għall-allegazzjonijiet ta’ John Dalli meta dan qal li Simon Busuttil kien qed jarah bħala ostaklu biex “jikseb kontrol tal-Partit Nazzjonalista”. Simon Busuttil qal li dan l-argument ma jagħmel l-ebda sens, speċjalment meta wieħed iqis li fiż-żmien li Simon Busuttil kien qed jikkontesta għat-tmexxija tal-Partit, Dalli kien ilu jaħdem mal-Partit Laburista u jidher fuq l-istazzjon One TV.

Simon Busuttil tenna li John Dalli għandu jieqaf jivvinta dawn it-teoriji u minflok ifittex jibda jġorr ir-responsabbilta’ għall-ħsarat kbar li kkaġuna lil Partit Nazzjonalista u lil pajjiżna.

“John Dalli għandu jieqaf ipoġġi fuq oħrajn ir-responsabbilta’ li suppost għandu jġorr hu nnifsu”, temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.