Omm il-kantant Elton John qalet li t-tifel tagħha ilu seba’ snin ma jkellimha u li hu u r-raġel tiegħu David Furnish huma ffissati li jkunu sinjuri u popolari imma ma jridux ikollhom x’jaqsmu ma’ nies li mhumiex sinjuri.
Shelia Farebrother qalet dan f’intervista mal-media Ingliża hekk kif għalqet 90 sena. Hi qalet li l-affarijiet ikkrollaw seba’ snin ilu meta Elton John qalilha biex ma tkomplix tkellem lil żewġ eksħbieb kemm tiegħu kif ukoll ta’ ommu u li kienu kruċjali għall-karriera tiegħu: John Reid u Bob Halley.
Reid kien il-manager fil-bidu tal-karriera tiegħu, u Halley, l-ewwel kien ix-xufier ta’ Elton John u mbagħad l-assistent personali. Imma hi qalet li ma kinetx lesta tagħmel dan partikolarment fil-każ ta’ Halley li kien jgħix fil-qrib u kien jgħinha meta jkun hemm bżonn.
Iżda hi qalet li temmen li dan kollu hu tort ta’ David Furnish, ir-raġel ta’ Elton John, u qalet dan lil binha meta kellha xi tgħid miegħu. Farebrother qalet li Furnish kien ħa l-kontroll ta’ kull aspett tal-ħajja tal-kantant. Hi qalet li n-nies kollha li kien jaf fil-passat Elton John illum il-ġurnata kienu eliminati minn ħajtu.
Filwaqt li ommu kienet mistiedna tkun xhud waqt iż-żwieġ ċivili ta’ binha, hi kienet infurmata li ma setgħetx tidher fir-ritratti li jittieħdu għaliex irrifjutat li tilbes kappell għall-okkażjoni. Hi qalet li Furnish kien irrabjat ħafna li hi rrifjutat li tilbes kappell għaliex ried li t-tieġ ma’ Elton John jibqa’ mfakkar bħala perfett.
Imbagħad fl-2007 l-affarijiet komplew jaqilbu għall-agħar meta r-raġel tagħha, Fred Farebrother, li miegħu kienet ilha miżżewġa 40 sena wara li ddivorzjat lil missier Elton, Stanley Dwight, marad . Hu kien dam tliet snin marid serjament sakemm miet imma Elton John qatt ma mar jarah.
Hi qalet li t-tieni raġel tagħha kien jadura lil Elton John.
Imma Shelia Farebrother qalet li minkejja li tul dawn is-seba’ snin qatt ma bagħtilha kartolina tal-Milied jew ta’ Jum l-Omm, hi ma kinetx irrabjata lejn binha. Qalet li batiet ħafna u kienet tittama li binha kien kuntent daqsha.
//= $special ?>