Lokali

FILMAT : Leah ġiet fid-dinja u ħalliet warajha fwieħa – l-Isqof Mario Grech

rsz_image_00003

Ir-raħal ta’ Għajnsielem ta l-merħba mistħoqqa lil anġlu żgħir, Leah Xuereb, li għaddiet għall-hajja ta’ dejjem nhar is-Sibt li għadda wara battalja twila mal-kanċer.

Mal-wasla ta’ Leah fir-raħal, inħaraq salut fost id-daqq tal-qniepen tal-Knisja Parrokkjali ta’ Loreto fejn mijiet ta’ Għawdxin u Maltin taw liċ-ċkejkna l-aħħar tislima u laqgħuha b’għexieren ta’ bukketti tal-fjuri. Jispikka l-kulur abjad, kif kienet ix-xewqa tal-familja.

Quddiesa li kienet xhieda ta’ tifla li serqet il-qlub tal-poplu Malti. Bit-tbissima Leah qattgħet xhur tiġġieled marda kiefra, mgħejjuna mill-ġenituri taghha li kienu dejjem preżenti fl-aħħar snin hekk diffiċli.

“Leah reġgħet ġabritna flimkien, din id-darba fil-preżenza tas-Salvatur,” stqarr iċ-ċelebrant tal-Quddiesa, l-Isqof t’Għawdex Mario Grech.

“Se noħorġu minn din il-Knisja b’imnifsejna mimlija riħa tfuħ,” kompla l-Isqof Grech, li qabbel lil Leah ma’ pjanta għadha tiftaħ li niżżlet mis-sema’, telqet minn din il-ħajja kmieni wisq imma ħalliet warajha fwieħa sabiħa.

Kompla li l-mewt ta’ Leah ma laqtitx biss lill-familja Xuereb, imma bħal Ġesu’, Leah qamet mill-ġdid.

“Ħadd ma jista’ jgħid li Leah aħjar ma twieldet xejn għax bagħtiet ħafna, għax Leah f’sitt snin biss ħabbet u kienet maħbuba minn kulħadd. It-tbatija ta’ Leah ġabet mewġa ta’ solidarjeta’ u ġġenerat il-kuraġġ f’ħafna. Jien bħala Isqof ukoll ma kontx kapaċi nwassal dak il-kuraġġ u nqanqal tant nies fil-mixja tagħhom wara Kristu,” stqarr l-Isqof Grech li appella lil dawk preżenti biex ma jħallux il-fwieħa ta’ Leah tinħela.

rsz_image_00004

Għall-quddiesa, fi Knisja ppakkjata bin-nies, attendew ukoll studenti tal-iskola Primarja ta’ Għajnsielem, sħab Leah li magħhom kienet tattendi u minkejja l-isfidi tagħha tgħallmet ukoll il-ballet.

Preżenti wkoll il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said, kif ukoll uffiċjali ta’ Puttinu Cares li mxew din il-mixja mal-familja Xuereb.

Fi tmiem il-Quddies, grupp ta’ tfal telqu bżieżaq roża li jissimbolizzaw il-ħajja ġdida u ħielsa mit-tbatija għaċ-ċkejkna Leah.

image_00001