Il-Kampanja SHout kompliet bl-attivitajiet b’rabta mar-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa, li se jsir fil-11 ta’ April ta’ ġej. Waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Pjazza Fra Diegu fil-Ħamrun, il-kelliem tal-kampanja SHout Saviour Balzan elenka dawk li sejjaħ bħala gideb li qed ixerrdu l-kaċċaturi.
Il-kelliem qal li mhux minnu li bil-Kaċċa fir-Rebbiegħa nkunu indaqs fl-Ewropa għax imkien fl-Ewropa ma hemm Kaċċa fir-Rebbiegħa. Lanqas mhu minnu li r-Referendum hu theddida għall-minoranzi, għax fil-verità r-Referendum jagħti vuċi lil min m’għandux.
Saviour Balzan qal li mhux veru li fl-Ewropa hemm eluf ta’ Derogi dwar dan għax il-biċċa l-kbira tagħhom m’għandhomx x’jaqsmu mal-Kaċċa fir-Rebbiegħa, fosthom dawk dwar attivitajiet fl-Ajruporti. Barraminhekk, qal li qatt ma ġiet innegozjata Deroga, kif ukoll li l-ebda Deroga ma tidher fit-Trattat.
Gidba oħra mill-kaċċaturi, kompla Balzan, hi li l-partiti politiċi huma favur il-Kaċċa. Hu qal li tal-kampanja tal-IVA qed jaħbu d-dikjarazzjonijiet tal-mexxejja politiċi, li ħallew lil kulħadd fil-libertà kif jivvutaw.
Fl-aħħarnett, Saviour Balzan sostna li l-passat hu mera tal-futur u hi gidba mill-kbar li l-kaċċaturi huma tolleranti. Fakkar li bħalissa, il-pubbliku mhux qed jara l-wiċċ veru tal-kaċċaturi.
Tweġiba mill-kampanja tal-IVA
Fi stqarrija bi tweġiba, il-kampanja IVA bħala Maltin u Ewropej qalet li l-kampanja tal-LE hi niexfa mill-kredibbilità. Il-kampanja ppubblikat kopja tal-Minuti ta’ laqgħa f’Lulju 2001 bħala parti min-negozjati għas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, li fiha Saviour Balzan, dak iż-żmien rappreżentant ta’ Malta, kien ippropona li ssir Kaċċa fuq l-għasfur tal-bejt.
Il-kampanja IVA bħala Maltin u Ewropej qalet li l-għasfur tal-bejt hu għasfur protetti u li Saviour Balzan qal li dan jista’ jsir kaċċa fuqu għax l-għasfur tal-bejt seta’ jigi meqjus bħala “pest”. Sostniet li filwaqt li l-kampanja tal-LE qed tipprova teqred l-aqwa żmien tal-Kaċċa f’pajjiżna, issa jirriżulta li wieħed mill-kelliema ewlenin tagħhom kien qed jaħdem biex jestendi l-perjodu tal-Kaċċa matul is-sena, filwaqt li jżid l-ispeċi li tista’ ssir Kaċċa fuqhom.
Il-konsulenzi ta’ Saviour Balzan huma konferma li l-kampanja tal-LE kienet niexfa mill-kredibbilità sa mill-bidunett tagħha, hekk kif hu stess kien strumentali biex il-Kaċċa fir-Rebbiegħa mhux biss tibqa’ iżda li ssir f’perjodi itwal u fuq aktar speċi, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>