Il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) talab garanziji konkreti dwar il-ftuħ ta’ kampus f’Malta mill-Barts’ Medical School ta’ Londra.
Fi stqarrija l-KSU qal li jirrikonoxxi l-ħidma li qed jagħmel il-Gvern biex itejjeb is-servizzi tas-saħħa f’Malta u Għawdex, imma dan bl-ebda mod m’għandu jkun ta’ detriment għall-esperjenza tal-istudenti li qed jistudjaw għal tobba fil-kors tal-Mediċini u l-Kirurġija, jew għal dawk li jiffurmaw parti mill-Fakultà tal-Kirurġija Dentali fl-Università ta’ Malta.
Il-Kunsill qal li għandu numru ta’ punti li qed jippreokkupawh b’rabta mal-introduzzjoni tal-Iskola Medika ta’ Barts’ f’Għawdex, minħabba li ma ngħatat l-ebda assigurazzjoni li sew l-istudenti konċernati u anke r-riżorsi fl-Università ta’ Malta mhux se jiġu affetwati.
Il-KSU qal li hu inkwetat li l-użu tal-faċilitajiet li hemm sew fil-fakultà involuta fuq il-kampus tal-Università u anke fl-Isptar Mater Dei jista’ jkollu effett negattiv fuq l-edukazzjoni li jirċievu l-istudenti, speċjalment fid-dawl tan-numru dejjem jikber ta’ studenti.
Irid ikun żgurat ukoll, kompla l-KSU, li jkun hemm firxa wiesgħa ta’ każi ta’ mard quddiem l-Iskola Medika ta’ Barts’ b’mod li dawn ma jkollhomx għalfejn jużaw il-faċilitajiet li ssoltu jintużaw mill-istudenti li jattendu l-Iskola Medika ta’ Malta.
Il-KSU esprima wkoll dubji kemm il-Gvern qed jiżgura li ma jinqalgħux kwistjonijiet minħabba d-differenzi fil-ħlas tal-lecturers tal-Università u dak li se jitħallsu dawk li se jiġu assenjati fl-Iskola Medika ta’ Bart’s. “Dan”, wissa l-KSU, “jista’ joħloq sitwazzjoni ta’ poaching ta’ lecturers mill-Iskola Medika Maltija”.
Il-KSU qal li jinsab ċert li bir-reputazzjoni li ggwadanjat matul is-snin, l-Università ta’ Malta se tkompli tattira aktar studenti internazzjonali u hi kapaċi tikkompeti ma’ istituzzjonijiet edukattivi barranin.
Imma wissa li jrid ikun żgurat li jkompli jsir dak l-investiment meħtieġ fl-infrastruttura u r-riżorsi tal-Università ħalli bil-faċilitajiet li toffri, din tkun tista’ tibqa’ tipprovdi l-aħjar edukazzjoni lill-istudenti.
Il-KSU ddikjara d-diżappunt tiegħu li l-Iskola Medika ta’ Bart’s ġiet deskritta bħala ‘superjuri’ għall-Università ta’ Malta u qal li dan jista’ jimmina l-fama miksuba b’tant sagrifiċċju tul is-snin mill-Università ta’ pajjiżna.
Fid-dawl ta’ dawn id-dubji, il-KSU qal li qed jitlob garanzija konkreta mingħand il-Gvern li l-istudenti li qed jistudjaw għal tobba fl-Università ta’ Malta mhux se jintlaqtu ħażin mill-ftuħ ta’ skola medika ġdida f’Malta minn Barts’. Sejjaħ ukoll biex l-Università ta’ Malta tkun involuta b’mod sħiħ fid-diskussjonijiet kollha dwar din il-materja.
//= $special ?>