L-Italja għażlet li tinnomina l-pizza Naplitana biex din tiġi rikonoxxuta u mħarsa mill-UNESCO fil-lista ta’ Wirt Kulturali Intanġibbli.
Skont ġurnali Taljani, il-Kummissjoni Nazzjonali Taljana għażlet li tinnomina xogħol il-pizzara Naplitani f’turija ta’ apprezzament lejn il-ħiliet partikolari ta’ dawn il-koki speċjalizzati.
Skont il-UNESCO, jiddaħħlu fil-lista ta’ Wirt Kulturali Intanġibbli dawk it-tradizzjonijiet jew affarijiet li mhumiex monumenti, li jeħtieġu miżuri urġenti biex jibqgħu ħajja. Napli ilha żmien tipprova tistabilixxi ruħha b’mod uffiċjali bħala l-benniena ta’ dan l-ikel fost l-iktar favoriti fid-dinja.
Il-pizza Naplitana, b’differenza ta’ pizza ta’ reġjuni jew inħawi oħra fl-Italja, hi karatterizzata b’għaġina għolja, li tqarmeċ imma tibqa’ ratba u miksija b’zalza tat-tadam, bi ftit origano, tewm, ħabaq u mozzarella. Xogħol il-pizzar, jew “pizzaiolo” bit-Taljan, hu meqjus fundamentali fil-mod ta’ kif issir il-pizza Naplitana.
Il-bażi tal-għaġina m’għandhiex tkun iktar ħoxna minn 3 millimetri u għandha tissajjar f’bejn 60 u 90 sekonda f’forn moħmi b’nar tal-injam.
Il-pizza Naplitana taf l-oriġini tagħha bejn is-snin 1715 u 1725. Il-pizza Margerita twieldet hawnhekk fl-okkażjoni taż-żjara tar-Reġina Margerita ta’ Savoia fejn pizzar ħoloq pizza ġdida u oriġinali bit-tliet kuluri tal-bandiera Taljana, ftit biss wara l-unifikazzjoni tal-Italja, fl-1889.
//= $special ?>