Lokali

Inawgurata pjattaforma għall-NGOs Maltin fil-qasam ambjentali

Tnediet Terrafirma Collective, li hi pjattaforma ġdida għall-għaqdiet mhux governattivi Maltin li jaħdmu fil-qasam ambjentali.

Terrafirma Collective hi parti minn proġett li qed jitmexxa mill-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar, bi sħab ma’ Friends of the Earth Malta u l-Malta Organic Agriculture Movement.

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli semmiet kif il-ħolqien ta’ din il-pjattaforma għandu jwassal biex ikun stabbilit qafas li jiffaċilita l-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-għaqdiet ambjentali Maltin. Qalet li minnu nnifsu dan isaħħaħ il-pożizzjoni tal-għaqdiet fi ħdan is-soċjetà ċivili.

Helena Dalli enfasizzat il-ħtieġa li l-għaqdiet ambjentali Maltin iżommu kuntatt ma’ dawk barra minn Malta u jipparteċipaw f’fora internazzjonali. Spjegat li dan jgħin biex iżommu ruħhom aġġornati mad-direttivi Ewropej u dak kollu li jkun qed jiġi diskuss, u biex ikabbru r-rappreżentazzjoni tagħhom.

Semmiet kif il-Gvern joffri anke għajnuna finanzjarja permezz tal-Fond għas-Soċjetà Ċivili fejn is-sena li għaddiet 38 organizzazzjoni rċevew bejniethom €341,000 f’għajnuna. Qalet li għal din is-sena, il-Gvern żied l-allokazzjoni b’aktar minn €60,000.