Ma hix l-intenzjoni tiegħi li nidħol direttament fil-każ tad-Direttur Eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (l-ITS) għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, onestament, għall-fini tal-ġid tal-Istitut innifsu nixtieq li dak kollu li ħareġ fil-midja matul dawn l-aħħar jiem u b’mod speċjali mill-konferenza tal-aħbarijiet imressqa mill-Partit Nazzjonalista quddiem l-ITS innifsu li fiha l-Membru Parlamentari Antoine Borg ippressa lill-Gvern biex jieħu azzjoni, mhuwiex minnu. Madankollu, fl-istess nifs li ngħidha, nibda nifhem l-paradoss fix-xewqa iperbolika nnifisha.
Il-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn! Il-fatt li Henry Mifsud talab li ‘jissospendi lilu nnifsu’ mill-kariga hija indikazzjoni ċara li x’aktarx, dak li deher fil-midja huwa minnu. Jekk dan huwa hekk, allura din l-istituzzjoni tant importanti f’pajjiżna ġiet immanipulata tipikament Tagħna Lkoll a skapitu tal-interess turistiku tal-pajjiż. Huwa proprju dan li rrid niffoka fuqu.
Jista’ jagħti l-każ li wasal iż-żmien li nibdew inqisu aktar l-ITS bħala fergħa edukattiva milli fergħa turistika. Minkejja l-involviment dirett tal-ITS fil-qasam turistiku, personalment inħoss li la darba l-istitut innifsu joffri opportunità edukattiva, għandu jkun rikonoxxut mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u mhux dak għat-Turiżmu. L-edukazzjoni f’Malta qiegħda kull ma jmur titwessa’ u tieħu dimensjonijiet ġodda, għaldaqstant nista’ nara kif l-ITS taħt il-kappa edukattiva jkun qiegħed jitqies bħala opportunità terzjarja fl-istudji turistiċi u mhux maqtugħ ‘il barra minnha. Irridu nifhmu li fil-qofol tiegħu, l-ITS huwa ‘skola’ li tqis prijoritajiet speċifiċi lkoll marbuta mat-turiżmu, imma ma jnaqqasx mill-mertu li wara kollox l-istitut innifsu huwa wieħed edukattiv.
Matul is-snin meta Malta ‘biss’ kellha x-xemx u l-baħar fl-Ewropa, u meta Malta ‘biss’ kienet toffri ospitalità xxaqleb aktar lejn familjarità eċċezzjonali fil-konfront tat-turist li ma kienx ibiddel lil Malta mal-ebda destinazzjoni Ewropea oħra, l-ingredjent tas-suċċess ma kienx l-ITS jew xi forma edukattiva oħra. Is-suċċess kien fl-attitudni tal-eluf li kellhom għal qalbhom it-turiżmu li ġabuh ‘il quddiem tant li pajjiżi Ewropej oħrajn għarfu jimxu fuq il-passi tagħna biex illum huma kompetituri tagħna fil-qasam turistiku.
L-istatitsiċi tul dawn l-aħħar snin jikkonfermaw rekord wara l-ieħor f’dak li huwa turiżmu imma ftit li xejn nintebħu li wara kollox il-kwalità tat-turist li jżur Malta mhuwiex dak li wieħed jistenna minn gżira li għandha d-doni naturali essenzjali għat-turiżmu, fosthom l-baħar u x-xemx.
Kull meta jidhru dawn l-istatistiċi wieħed jistaqsi jekk fir-realtà pajjiżna huwiex qiegħed jattira biss turisti li ma jħallux qliegħ u jekk dawn it-turisti humiex fil-maġġoranza tagħhom studenti li jiġu ‘jitgħallmu’ l-Ingliż u jħallu fil-but tal-Maltin ħaqq flixkun ilma wieħed bejn tnejn kuljum! Hawnhekk, allura jibdew jixirfu diversi dubji dwar jekk aħniex sodisfatti biss bin-numri jew jekk aħniex sodisfatti bil-kwalità.
Il-kwalità tat-turist li jżur pajjiżna huwa wkoll attribut għas-servizz li noffru, u dan is-servizz huwa dovut jekk xejn, lejn l-ITS innifsu li għandu jkun qiegħed juża l-enerġija kollha tiegħu biex l-ewwel nett irawwem fl-istudenti tiegħu d-dedikazzjoni u l-linja tax-xogħol, iqajjem interess ġdid f’linji t’impjieg li llum qed jiġu rrifjutati mill-Maltin u jimtlew bil-barranin u mhux jinħela wara kwistjonijiet irrelevanti għas-suċċess turistiku Malti bħal fil-każ ta’ Henry Mifsud li aċċennajt għalih aktar ‘il fuq.
Jekk l-ITS mhuwiex ser jagħraf li t-turiżmu f’Malta jrid irawwem fiż-żgħażagħ Maltin l-entużjażmu, il-ħiliet u l-kompetenzi ewlenin tal-waiting staff qabel xejn, ser inkomplu nassistu għall-mewta naturali tat-turist li jħalli l-flus warajh. Ma jistax ikun li pajjiżna jilqa’ lit-turist li jiġi hawn biex jara l-istorja glorjuża, biex jifhem il-kultura Mediterranja unika tagħna l-Maltin, biex iħossu parti minnha l-Maltin, biex iduq b’sensazzjonaliżmu l-ikel tipiku tagħna… jekk kif jasal fl-ewwel ristorant isib jilqgħuh wejters minn kull naħa tad-dinja minflok dawk Maltin. Ġenwinament, jista’ jkun hemm l-interess minn dawn l-Eastern Europeans fil-kultura tagħna, fl-ikel tagħna, fil-lingwa tagħna u fuq kollox, kif qatt jista’ jkun li fihom it-turist jara l-ospitalità Maltija li tant ġabet suċċessi magħha lura fis-snin?
Hija ħasra li minflok qed nagħtu l-enerġija kollha tagħna biex nindirizzaw dan in-nuqqas ta’ interess mill-Malti lejn linji turistiċi li tant u tant neħtieġu sabiex nibdew inġibu lura t-turisti ta’ kwalità, qegħdin ninħlew wara s-sospenzjonijiet u l-abbuż mill-poter ta’ min suppost qiegħed jassigura l-futur tat-turiżmu Malti li qabel xejn jibda fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi!
//= $special ?>