Il-prezz taż-żejt it-Tnejn reġa’ naqas hekk kif uffiċjali mill-Iran u sitt potenzi dinjija kienu qrib li jaslu fi ftehim dwar il-programm nukleari Iranjan. Ftehim li jista’ jwassal għat-tmiem tas-sanzjonijiet kontra l-Iran u bħala konsegwenza jwassal għal żieda fl-esportazzjoni taż-żejt Iranjan.
Iż-żewġ naħat għandhom sal-lum biex jilħqu ftehim f’taħditiet li qed isiru f’Lausanne, l-Iżvizzera. Għalkemm fl-aħħar sigħat kienu rapportati intoppi, ftit huma dawk li jemmnu li t-taħditiet se jintemmu mingħajr ftehim.
Bħala konsegwenza ta’ dawn it-taħditiet iż-żejt mhux raffinat Amerikan kien qed jinbiegħ bi 48.07 dollaru kull barmil filwaqt li l-Brent mhux raffinat kien qed jinbiegħ b’56.01 dollaru.
Jekk ikun hemm ftehim, jista’ jwassal għal tnaqqis drastiku fil-prezz taż-żejt. Dan peress li fis-suq hemm provvista tajba, billi l-produzzjoni hi ferm akbar mit-talba.