Wasalna proprju fl-aħħar ġranet tal-kampanja elettorali u allura irridu nżidu il-ħidma tagħna. Meta ngħid irridu nżidu l-ħidma ma nkunx qed nirreferi biss għalina biss il-kandidati iżda wkoll għall-attivisti tagħna.
Aħna l-kandidati mmorru nħabbtu għand in-nies, nitkellmu magħhom u nippruvaw nikkonvinċuhom biex joħorġu jivvutaw għall-kandidati tal-Partit Nazzjonalista. L-attivisti tagħna huma s-swaba tal-partit fl-irħula u ħadd daqshom ma jaf ir-raħal u lin-nies u allura ħadd daqshom ma jista jgħin lilna u lill-partit.
Il-messaġġi li rridu ngħaddu huma tnejn. L-ewwel nett irridu nfiehmu lin-Nazzjonalisti imweġġa u diżappuntati, li dan il-partit qiegħed jinbidel. Simon Busuttil flimkien mat-tmexxija tal-partit qiegħed iwettaq rivoluzjoni siekta. Nies li kienu dejjem fil-partit u sal-leġislatura l-oħra ħassewhom imwarrba qed isibu posthom lura.
Barra minn hekk uċuħ ġodda qed ifeġġu f’livelli differenti tal-partit, minn kandidati għall-kunsilli lokali sa żgħażagħ fil-MZPN u fil-kumitati sezzjonali. Il-messaġġ tagħna għandu jkun biex nitolbu lin-Nazzjonalisti li ħallewna jiġu lura għax mill-iżbalji li għamilna fil-passat tgħallimna.
It-tieni messaġġ li rridu nwasslu hu lill-laburisti ġenwini. Joseph Muscat jeħodhom forgranted u ma jagħtix każhom għax jaħseb li dejjem jivvutawlu. Lil dawn għandna ngħidulhom biex jekk wiegħduhom xi ħaġa fis-sentejn li għaddew u ħallewhom b’xejn, fil-11 t’April permezz tal-vot tagħhom, jibgħatu messaġġ lil Joseph Muscat u jgħidulu ‘lili teħodnix forgranted’
//= $special ?>