L-Assoċjazzjoni tal-Piloti Maltin (ALPA), fi stqarrija, ħeġġet lill-pubbliku biex ma jasalx għal konklużjonijiet mgħaġġla, jirrispetta l-investigazzjoni li għaddejja u fl-istess ħin, iżomm f’moħħu li ta’ kuljum isiru eluf ta’ titjiriet mingħajr inċidenti.
ALPA kienet qed tirreaġixxi għall-aħbarijiet tal-aħħar ġimgħa wara dak li seħħ fit-titjira Germanwings minn Barcellona lejn Dusseldorf. Uriet it-tħassib tagħha li ħarġet informazzjoni dwar x’ingħad fil-kabina tal-pilota qabel ma ntemmet l-investigazzjoni sħiħa, iktar u iktar għall-fatt li r-rekorder tal-informazzjoni elettronika dwar it-titjira għadu ma nstabx.
Waqt li laqgħet id-deċiżjoni tal-EASA dwar il-preżenza meħtieġa ta’ żewġ membri fil-kabina tal-pilota f’kull ħin ta’ titjira, l-ALPA appellat biex ma jittieħdux deċiżjonijiet ta’ malajr u biex, wara li tintemm l-investigazzjoni, ikun hemm analiżi dettaljata tal-proċeduri kollha ta’ sigurtà fid-dawl ta’ dak kollu li jista’ jiġri. Appellat lill-pubbliku u lill-istampa biex ma jikxfux ċerti proċeduri ta’ sigurtà għax inkella jkun ta’ xejn li dawn jeżistu.
Dwar it-testijiet ta’ saħħa mentali, l-ALPA qalet li waqt li testijiet isiru kull sena, wieħed irid joqgħod attent li ma jasalx biex jikkundizzjona lill-piloti għal testijiet impenjattivi li jkunu diffiċli li jsiru, li jkunu suġġettivi u li l-affidabilità tagħhom tkun dubjuża. L-ALPA nnutat li jista’ jkun hemm titjib dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-piloti biex dawn itajru ajruplani imma ħeġġet biex tikber l-għarfien dwar is-saħħa mentali anke fost l-istess bdoti kif ukoll biex jiddaħħlu jew jitjiebu programmi li jinkoraġixxu lill-piloti biex ifittxu l-għajnuna jekk ikunu jeħtiġuha.
L-ALPA spjegat li fuq kollox, it-traġedja tal-ġimgħa li għaddiet kienet waħda li xxukkjat lill-membri kollha tagħha anke għaliex ixxellfet il-fiduċja li jpoġġu tant nies f’idejn il-bdoti tal-linji tal-ajru. Insistiet madankollu li episodji negattivi huma rari meta mqabbla mal-eluf ta’ titjiriet li jħallu l-ajruporti ta’ kuljum u li huma siguri minħabba r-responsabiltà tal-istess piloti u l-membri tal-ekwipaġġ. Għalhekk appellat biex ma jkunx hemm spekulazzjoni imma kulħadd jistenna l-eżitu tal-investigazzjoni.
//= $special ?>