Lokali

L-isptar ġdid fi SmartCity jfisser investiment ta’ €100 miljun u 500 post tax-xogħol ġdid

Fi SmartCity Malta se jitwaqqaf sptar, bl-isem ta’ San Ġwanni Pawlu II, b’investiment ta’ €100 miljun.

Dan l-isptar, li mistenni jiftaħ il-bibien tiegħu sa sentejn oħra, se jfisser il-ħolqien ta’ iktar minn 500 post tax-xogħol ġdid.

Dan tħabbar minn SmartCity Malta stess li laqgħet l-aħbar ta’ dan l-investiment barrani dirett. L-isem sħiħ tal-isptar se jkun San Joannes Paulus II International District of Healthcare. Se jkun ċentru mediku ta’ eċċellenza bl-aħħar teknoloġija u se jaħdem l-iktar fil-qasam tal-ortopedija, b’operazzjonijiet u servizzi tal-outpatient. Se joffri wkoll numru ta’ servizzi oħra ta’ interventi ta’ matul il-jum fosthom fl-oqsma tal-uroloġija, oftalmoloġija, anġjoloġija, interventi ta’ dentistrija u operazzjonijiet oħra fir-ras.

Anthony Tabone, il-Kap Eżekuttiv ta’ SmartCity Malta, qal li SmartCity hi kburija li qed tassoċja ruħha ma’ wieħed mill-iktar investimenti privati fil-qasam mediku f’Malta. Spjega li ħadmu qatigħ biex jattiraw dan it-tip ta’ investiment barrani f’Malta biex il-pajjiż jiżviluppa ċentru ta’ eċċellenza fil-Mediterran.

Qal ukoll li l-investituri għażlu lil SmartCity Malta għal numru ta’ raġunijiet, fosthom l-infrastruttura intelliġenti ta’ klassi dinjija, l-ambjent li toffri u s-servizzi marbuta ma’ SmartCity.