L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi f’Malta (MDA) laqgħet b’soddisfazzjon l-emendi li saru dwar it-taxxa tat-trasferiment tal-propjetà.
Fi stqarrija, l-assoċjazzjoni qalet li kienet hi li ħadmet u rsistiet biex issir riforma fuq it-taxxa finali fuq it-trasferiment tal-propjetà. Qalet li ħadmet biex isiru t-tibdiliet biex ikun hemm ġustizzja soċjali, bħal fil-każ ta’ meta koppji li jtemmu l-għerusija tagħhom ikunu kostretti li jbiegħu l-ewwel propjetà tagħhom.
Qalet li b’hekk, dawn it-tip ta’ każi ġenwini, minflok iħallsu 5% ta’ taxxa bdew, mill-1 ta’ Jannar, iħallsu 2% taxxa. Spjegat li hemm ċirkostanzi wkoll fejn individwu jew kumpanija se jħallsu r-rata ta’ 5% minflok 8% taxxa jekk ibiegħu l-propjetà tagħhom sa ħames snin mill-akkwist u ma jkunux żviluppawha.
L-MDA appellat biex ikun inċentivi f’Għawdex fuq il-linja tal-inċentiv ġdid għall-bejgħ ta’ propjetà fil-Belt Valletta, li r-rata ta’ taxxa fuqha issa hi ta’ 3.5%.
L-assoċjazzjoni qalet li dan ix-xogħol kollu li sar minnha hu xhieda ta’ kemm hi tieħu ħsieb l-interess ta’ kulħadd b’mod olistiku u fl-interess tal-pajjiż kollu. Qalet li hi konvinta li b’din ir-riforma, is-suq tal-propjetà se jkompli jissaħħaħ u jgħin biex tkompli tikber l-ekonomija tal-pajjiż.
//= $special ?>