Internazzjonali

Wara t-traġedja tal-Germanwings: Każi oħra fejn il-piloti waqqgħu l-ajruplani b’intenzjoni

Filwaqt li l-prosekuturi li qed jindagaw dwar it-traġedja tal-Airbus A320 tal-Germanwings tkellmu fit-tul dwar l-indikazzjonijiet li l-kopilota kellu l-intenzjoni li jeqred l-ajruplan, hu minnu li seħħew l-inċidenti simili, fil-passat, fejn l-ajruplani tal-passiġġieri twaqqgħu minħabba xi azzjoni ‘maħsuba’ tal-pilota jew kopilota.

Il-Mozambique Airlines
Id-29 ta’ Novembru tal-2013: It-Titjira TM 470 tal-Mozambique Airlines (LAM) iġġarrfet fin-Namibja waqt titjira minn Maputo lejn Luanda – u fejn mietu 33 persuna.
L-investigaturi, aktar tard, qalu li l-Kaptan kellu ‘l-iskop ċar’ li jeqred l-ajruplan tat-tip Embraer 190; bil-flight recorders jindikaw il-mumenti fatali meta l-Kaptan, Herminio dos Santos Fernandes, immanipula l-autopilot b’mod li ‘jikkonferma l-intenzjoni preċiża tiegħu biex iwaqqa’ l-ajruplan’.

Il-każ tal-EgyptAir
Il-31 ta’ Ottubru tal-1999: Ajruplan Boeing 767 tal-EgyptAir li kien qed itir minn New York lejn il-Kajr ikkraxxja għal ġol-Oċean Indjan, ftit wara li kien beda t-titjira fatali. L-analiżi tal-kaxxi s-suwed ta’ Titjira 990 indikaw li l-pilota ikkaġuna l-inċident u, qabel it-tiġrif tal-ajruplan, iddikjara ‘li kien ħa d-deċiżjoni u li qed jafda kollox f’idejn Alla’.

It-tiġrif tas-SilkAir
Id-19 ta’ Diċembru tal-1997: Ajruplan Boeing 737 tal-linja SilkAir (ta’ Singapore) iġġarraf fi xmara tal-Indoneżja waqt titjira minn Jakarta lejn Singapore u fejn mietu l-104 persuna (passiġġieri u membri tal-ekwipaġġ) ta’ fuqu.
L-investigaturi Amerikani qalu li l-Kaptan, probabbilment, ‘aċċerta’ li l-ajruplan kellu jmissu dan id-destin kiefer.
Fl-istess ħin, l-istampa rrappurtat li l-Kaptan – li sa ftit qabel kien għadda minn proċess dixxiplinarju, fejn tnaqqaslu l-grad – kien qala’ l-konnessjoni mal-kaxxi s-suwed tal-ajruplan biex jaħbi għemilu. Ir-rapporti qalu wkoll li l-Kaptan kellu ħafna dejn man-nies, iżda l-investigazzjoni mill-awtoritajiet ta’ Singapore dwar il-każ kienet inkonklussiva.

Ir-Royal Air Maroc
Il-21 ta’ Awwissu tal-1994: Il-pilota ta’ ajruplan tar-Royal Air Maroc mexxa l-ajruplan inkwistjoni direttament għal ġol Muntanji Atlas, ftit wara li kien tela’ minn Agadir fi triqtu għal Casablanca. Mietu l-44 persuna li kienu fuq l-ajruplan, bl-investigazzjoni – li bbażat fuq l-aħħar diskors tal-kopilota – tikkonkludi mingħajr telf taż-żmien li ‘kien każ ta’ suwiċidju’.

It-tiġrif tad-DC-8 tal-Japan Airlines
Id-9 ta’ Frar tal-1982: Ajruplan DC-8 tal-Japan Airlines iġġarraf fil-Bajja ta’ Tokjo waqt li kien qed javviċina l-Ajruport ta’ Haneda. Mietu 24 persuna fl-inċident, bl-investigazzjoni tikkonkludi li l-pilota, li salva b’ħajtu, kien ‘mentalment instabbli’.

Il-każ potenzjali ta’ Titjira MH370
It-8 ta’ Marzu tal-2014: ‘Is-suwiċidju tal-pilota’ ssemma fost id-diversi ipoteżi li kienu kkunsidrati wara l-għejbien tat-‘Titjira MH370 tal-Malaysia Airlines, b’239 persuna abbord. Dan wara li s-sistema tal-komunikazzjoni tal-ajruplan spiċċat deattivata ‘għal skop’, bl-ajruplan anki jibdel id-direzzjoni oriġinali.