Rapport dwar ix-xejriet tal-kriminalita f’Malta jistabilixxu żidiet f’ċertu setturi ta’ kriminalita’ u tnaqqis f’oħrajn. Rapport li jindika wkoll l-isfidi li se jkollhom quddiem il-Forzi tal-Ordni fil-futur.
Dettalji dwar dan ir-rapport ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet fis-Swieqi indirzzata mill-Ministru tal-Intern Carmelo Abela, il-Kummissarrju tal-Pulizija Michael Cassar u l-kriminoloġista Dr.Saviour Formosa, li ħejja r-rapport.
Mir-rapport jirriżulta li fl-2014 kienu rapportati 16,600 każi ta’ kriminalita’, tnaqqis ta’ 900 każ fuq l-2013 iżda 6,600 każ iktar mill-2009, is-sena li fiha kienu rapportati rekord ta’ każi kriminali. Fil-fatt fl-2009 kienu rapportati 12,000 każ ta’ kriminalita’.
Mir-rapport jirriżultaw ix-xejriet tal-kriminlita’ u l-mod kif din hi marbuta ma ċaqlieq fil-popolazzjoni u l-poverta’.
Ir-rapport jistabilixxi li fl-2014 kien hemm tnaqqis ta’ 270 offiża ta’ serq, tnaqqis ta’ 550 każ ta’ ħsarat u tnaqqis fil-frodi.
Il-każi ta’ attakki fuq il-persuni ammontaw għal 1,052 waqt li kien hemm tnaqqis ta’ 9% fi kriminalita’ marbruta mat-teknoloġija. Il-każi ta’ droga wkoll irrapportaw tnaqqis minn 208 fl-2013 għal 192 fl-2014 waqt li kien reġistrat ukoll tnaqqis ta’ 25% fil-każi ta’ vjolenza fuq uffiċjali pubbliċi.
Iż-żidied kienu reġistrati fil-prostituzzjoni li minn 48 każ fl-2013 telgħet għal 123 każ fl-2014. Żieda oħra kienet reġistrata fil-vjolenza dodmestka tant li minn 63 każ fl-2008 fl-2014 kienu reġistrati 265 każ.
Mir-rapport jirriżulta wkoll li l-kirminalita tiżdied bejn April u Awissu.
Ir-rapport jiffoka wkoll fuq in-numru ta’ priġunier fil-ħabs fejn jirriżulta li fil-25 ta’ April 2014 kienu hemm numru rekord ta’ priġunieri fil-ħabs, 645. Dan hu żieda fuq il-591 li kien hemm fis-26 ta’ Dicembru 2014 u l-580 reġistrati fi Frar 2015.
Analiżi ieħor li jagħmel ir-rapport hu dwar il-lokalitajiet li fihom issir il-kriminalita’. Jirriżulta li ż-zona ta’ San Ġiljan hi l-aktar żona li fiha ssir kriminalita’. Fil-każi ta’ serq mid-djar jirriżulta li San Ġiljan hu l-aktar post fejn isir dan it-tip ta’ serq u warajh hemm San Pawl il-Baħar, l-Imsida u s-Swieqi. B’kuntrast għal dan ma kinux reġistrati każi ta’ serq mid-djar f’San Lawrenz u l-Imdina.
Il-kriminaloġista Saviour Formosa spjega kif fil-futur, il-Pulizija jeħtieġ li tkun aġġornata kontinwament dwar ir-eati u l-postijiet fejn dawn ikunu qed iseħħu. Hu spjega kif wieħed mill-każi li fih il-persuni se jiffaċċjaw sfidi hu dak tal-persuni li jintilfu, każi li mistennija jkompli jiżdiedu fil-futur.
//= $special ?>