Sport

Birżebbuġa jnaqqxu isimhom għall-ewwel darba

Il-Kalkara jirbħu l-kategorija B

Birżebbuġa rebħu x-Shield tar-Regatta tal-31 ta’ Marzu fil-kategorija Open għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom wara li l-holders Marsa flimkien mas-solitu Bormla ddiżappuntaw u tellfu punti deċiżivi lil xulxin fl-aħħar tiġrija, gawdew Birżebbuġa u fil-klassifika ġenerali kienu l-Isla li temmew it-tieni b’distakk ta’ 14-il punt.

Il-Kalkara, li rnexxielhom jieħdu l-punti f’erba’ minn ħames tiġrijiet, rebħu Kategorija B wara sfida missielta ma’ Marsamxett.

Intant fil-kategorija Open Birżebbuġa mill-ewwel taw twissija li kienu se jkunu għadma iebsa u żammew mal-pronostiku ta’ sfidanti meta rebħu t-tiġrija Dgħajjes A tal-Midalji b’erba’ mqadef wara li għelbu l-isfida tal-Isla u l-Kalkara.

Huma komplew jispikkaw fit-tiġrija tal-Frejgatini b’żewġ imqadef u tmunier fejn għal darb’oħra temmew l-ewwel għal 12-il punt ieħor quddiem il-Marsa u Bormla li daħlu ferm viċin xulxin.

Il-holders Marsa kellhom jistennew sat-tielet tiġrija Open, dik tad-Dgħajjes C tal-Pass b’żewġ mqadef biex mill-ewwel korsija ħadu l-ewwel rebħa meta ssuperaw b’mod konvinċenti l-isfida ta’ Bormla u Birżebbuġa li temmew warajhom.

Wara kien imiss il-Kajjikki b’żewġ imqadef fejn hawnhekk kien imiss lil Bormla li jiksbu l-ewwel rebħa tal-ġurnata meta minn korsija 7 għelbu l-isfida ta’ Marsa u l-Isla f’tiġrija eċċitanti.

L-aħħar tiġrija kienet deċiżiva imma ġara li Bormla u Marsa daħlu f’xulxin u dan ippermetta lill-Isla jieħdu r-rebħa fid-Dgħajjes B tal-Pass b’erba’ mqadef quddiem Birżebbuġa u Marsamxett.

B’hekk Birżebbuġa spiċċaw rebbieħa tax-Shield b’54 punt waqt li gawdew ukoll l-Isla li temmew it-tieni b’40 punt bil-Marsa jikkuntentaw bit-tielet post b’36 punt.

Sfida interessanti

Marsamxett kellhom bidu tajjeb meta rebħu l-ewwel tiġrija ta’ Kategorija B li kienet dik tad-dgħajjes C tal-Pass b’żewġ imqadef b’vantaġġ ta’ żewġ tulijiet fuq B’Buġa li temmew sekonda qabel il-Birgu.

Fil-Kajjikki b’żewġ imqadef kienu l-Kalkara li ħadu l-ewwel 12-il punt tagħhom quddiem l-Isla u l-Marsa.

It-tielet tiġrija f’kategorija B kienet għal Dgħajjes A tal-Midalji b’erba’ mqadef li żviluppat f’taqtiegħa bejn oħra nteressanti bil-Birgu jieħdu l-ewwel rebħa quddiem il-Kalkara u Marsamxett.

Fil-Frejgatini b’żewġ imqadef kienu l-Kalkara li reġgħu spikkaw bi 12-il punt ieħor wara rebħa fuq l-Isla u l-Birgu.

B’hekk l-aħħar tiġrija bl-akbar ammont ta’ punti, dik tad-Dgħajjes B tal-Pass b’erba’ mqadef kienet deċiżiva. Hawnhekk kienu Birżebbuġa li ħadu l-24 punt tar-rebħa quddiem Marsamxett u l-Kalkara.

Madankollu kienu l-Kalkara li spiċċaw rebħu din ix-Shield b’44 punt, tnejn aktar minn Marsamxett li spiċċaw it-tieni u Birżebbuġa temmew it-tielet.

Kalkara

 

Ir-riżultati kollha

Kategorija Open

Dgħajjes A tal-Midalji – 1 Birżebbuġa (4.49’), 2 Isla, 3 Kalkara

Frejgatini – 1 Birżebbuġa (6.43’), 2 Marsa, 3 Bormla

Dgħajjes C tal-Pass – 1 Marsa (5.27’), 2 Bormla, 3 Birżebbuġa

Kajjikki – 1 Bormla (6.15’), 2 Marsa, 3 Isla

Dgħajjes B tal-Pass – 1 Isla (5.20’), 2 Birżebbuġa, 3 Marsamxett

Kif Spiċċaw: Birżebbuġa 54, Isla 40, Marsa 36, Bormla 28, Marsamxett 8, Kalkara 6, Birgu 0

Kategorija B

Dgħajjes C tal-Pass – 1 Marsamxett (6.14’), 2 Birżebbuġa, 3 Birgu

Kajjikki – 1 Kalkara (6.41’), 2 Isla, 3 Marsa

Dgħajjes A tal-Midalji – 1 Birgu (6.13’), 2 Kalkara, 3 Marsamxett

Frejgatini – 1 Kalkara (6.13’), 2 Isla, 3 Birgu

Dgħajjes B tal-Pass – 1 Birżebbuġa (5.13’), 2 Marsamxett, 3 Kalkara

Kif Spiċċaw: Kalkara 44, Marsamxett 42, Birżebbuġa 36, Birgu 30, Isla 16, Marsa 4, Bormla 0.