Lokali

Insite se tniedi kampanja favur il-libertà tal-kelma

L-organizzazzjoni tal-istudenti Insite, li taħdem fil-qasam tal-komunikazzjoni, se tniedi kampanja matul is-sajf li ġej biex tippromwovi l-libertà tal-kelma.

Insite ħabbret dan f’attività fl-okkażjoni tal-15-il anniversarju tagħha.

Melissa McElhatton, il-kap eżekuttiv ta’ Insite, tkellmet dwar ir-rilevanza tal-libertà tal-kelma fid-dinja llum. Waqt li argumentat li s-soċjetà Maltija m’għadhiex tiġġieled għal din il-libertà għax ħafna jqisuha naturali, semmiet okkażjonijiet fejn il-libertà tal-kelma ġiet mhedda.

Fost l-oħrajn, semmiet l-attakk f’Pariġi fuq Charlie Hebdo, sparar f’Marzu fid-Danimarka, u kawża ta’ libell li nfetħet quddiem il-Qrati Maltin u li l-Qorti, ftit jiem ilu, qalet li ma kienx hemm bażi. McElhatton qalet ukoll li anke bħala mezz ta’ komunikazzjoni tal-istudenti, Insite kellha kemm-il darba okkażjonijiet fejn kellha tieħu deċiżjoni dwar x’tippubblika.

Qalet li tinnota li l-maġġoranza tal-istudenti jirrifjutaw li jieħdu sehem f’attivitajiet fejn jintalbu jesprimu l-opinjoni tagħhom, speċjalment f’dibattitu jew quddiem cameras. Għalhekk, sostniet, li hemm il-ħtieġa li jiġi eżerċitat id-dritt tal-libertà tal-kelma inkella jispiċċa jittieħed.