Ażjendi responsabbli mill-assikurazzjoni tal-linja tal-ajru Lufthansa spiċċaw iwarrbu mat-300 miljun dollaru biex jieħdu ħsieb l-ispejjeż potenzjali li jistgħu jirriżultaw mit-traġedja. Qalu dan Kelliema tal-kumpanija Lufthansa, li l-Germanwings tagħha hi sussidjarja.
Dan hekk kif it-traġedja tal-ajruplan tal-Germanwings li ġġarraf qalb l-Alpi Franċiżi b’150 persuna abbord għalaq ġimgħa proprju llum, bl-Uffiċjali u l-Prosekuturi qed jgħidu li m’hemm l-ebda żviluppi ġodda li jistgħu jitfgħu dawl ġdid u notevoli fuq il-każ.
Dan meta baqgħu s-suspetti li l-ko-pilota tal-ajruplan, Andreas Lubitz kien ħa azzjoni personali biex jaċċerta li l-ajruplan kellu jiġġarraf fl-Alpi. Fl-istess ħin, l-investigaturi, fl-aħħar jiem, sostnew li Lubitz kien qed jingħata t-trattament għal dak li huma fissru bħala tendenzi suwiċida.
Sadanittant, u filwaqt li għadhom għaddejjin diversi teoriji dwar Lubitz u t-traġedja tal-Germanwings, l-uffiċjali u l-prosekuturi qed iwissu biex ħadd ma jintilef f’ħafna spekulazzjoni żejda f’dan il-perijodu delikat.
L-ajruplan tal-Germanwings iġġarraf qrib il-villaġġ Franċiż ta’ Le Vernet waqt titjira minn Barċelona lejn il-belt Ġermaniża ta’ Dusseldorf. Intant, il-voice recorder tal-kabina tal-ajruplan jissuġġerixxi li Lubitz kien sakkar lill-pilota tiegħu barra l-kabina qabel l-ajruplan beda l-inżul fatali fir-reġjun tal-Alpi.
Fil-belt ta’ Marsilja infetaħ ‘support centre’ għall-qraba tal-vittmi tat-tiġrif, bil-kumpannija Germanwings qed taħseb biex tipprovdi l-counselling għal dawn il-persuni filwaqt li torganizza ż-żjarat lejn is-sit fejn niżel l-ajruplan.
Il-Lufthansa mhux se tiċċelebra s-60 sena mit-twaqqif tagħha minħabba dan l-inċident.
//= $special ?>