KMS Skolasport hi aktar sinonima ma’ dixxiplini sportivi maħsuba għat-tfal u żgħażagħ, imma qed toffri wkoll klassijiet tal-fitness għall-adulti. Skolasport tinkuraġġixxi ġenituri, ħbieb u persuni biex jipparteċipaw fil-klassijiet speċjali ta’ eżerċizzju fiżiku għall-adulti. Dawn il-klassijiet isiru fl-istess ħin li t-tfal ikollhom is-sessjonijiet sportivi tagħhom, biex b’hekk tkun iktar faċli li l-ġenituri jipparteċipaw minflok joqgħodu jistennew lit-tfal tagħhom fil-karozza.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), il-maġġoranza tal-imwiet f’Malta matul l-2013 irriżultaw minn mard fis-sistema ċirkolatorja, jiġifieri mard tal-qalb. Ir-raġunijiet jistgħu ivarjaw. Madankollu, llum hawn mezzi kif wieħed jista’ jnaqqas ir-riskju tal-mard tal-qalb. Eżerċizzju moderat u dieta tajba għas-saħħa huma fost l-aqwa prattiċi li persuna tista’ tagħmel biex iżżomm il-qalb b’saħħitha.
Għal dan il-għan, Skolasport, li hi sponsorjata minn Kellogg’s għal dawn l-aħħar 15-il sena konsekuttiva, tinkoraġġixxi lill-ġenituri u adulti biex jagħtu eżempju u jipparteċipaw fil-klassijiet tal-fitness waqt li t-tfal tagħhom qed jipprattikaw l-isport favorit tagħhom. Is-sessjonijiet tal-adulti jinkludu programmi ġenerali tal-fitness, aerobics, yoga, Pilates u varjeta’ ta’ sports inkluż l-għawm.
Seba’ kumplessi sportivi jipprovdu dawn il-klassijiet għall-adulti. Dawn huma l-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, il-Kumpless Sportiv tal-Marsa, il-Kumpless Sportiv Tal-Qroqq, il-Kumpless Sportiv ta’ San Benedittu f’Ħal Kirkop, il-Kumpless Sportiv Tal-Ħandaq, Kulleġġ Marija Reġina fil-Mosta u l-Kulleġġ Santa Klara f’Pembroke. KMS Skolasport qed tistieden lill-ġenituri u adulti biex jingħaqdu fis-semestru l-ġdid li ser jibda mis-Sibt 11 ta’ Apil u jispiċċa fl-aħħar ta’ Mejju 2015.
“Kellogg’s temmen u tinkoraġġixxi li l-istil ta’ ħajja attiva u tajba għas-saħħa għandha tibda minn età żgħira. Dieta bilanċjata u tajba għas-saħħa flimkien ma’ eżerċizzju regolari jgħinu jtejbu s-saħħa tal-individwu, irrispettivament mill-età tal-persuna. Kellogg’s, permezz tal-isponsorship ta’ KMS Skolasport, qed tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha li tippromwovi stil ta’ ħajja b’saħħitha fost il-familji Maltin,” qal kelliem ta’ Kellogg’s.
Iktar tagħrif dwar il-klassijiet tal-fitness għall-adulti jew dixxiplini sportivi mis-Sezzjoni tal-Programmi fl-uffiċċju ewlieni tal-Kunsill Malti għall-iSport fuq tel. 2203 6000, jew bl-imejl: programmes@sportmalta.org.mt, inkella jżur il-websajt: www.sportmalta.org.mt
//= $special ?>