Il-Pulizija qed tinvestiga każ ta’ mara barranija li kienet mhedda u ġiet stuprata fiż-żona tal-Aħrax tal-Mellieħa minn raġel li wkoll hu ta’ nazzjonalita barranija.
Il-każ seħħ nhar il-Ħamis li għadda, meta l-mara nstabet fi stat ta’ xokk minn grupp ta’ persuni li kienu camping fiż-żona. Il-Pulizija mill-Għassa tal-Mellieħa ġew infurmati u waslu fil-post akkumpanjati minn uffiċjali mill-Għassa tal-Qawra .
Skont il-mara, ir-raġel li allegatament stuprahha għadda għaliha d-dar tagħha u kellhom imorru jieħdu kafe’. Imma f’daqqa waħda dan ġibed lejn l-Aħrax tal-Mellieħa u qalilha li xtaq jitkellmu.
Malli waslu l-Aħrax tal-Mellieħa, ir-raġel ħareġ sikkina u heddidha li kien se joqtolha u ħadd mhu se jkun jaf. Qalilha wkoll li qabel xtaq ikollu x’jaqsam magħha u l-mara ma kelliex għażla oħra ħlief li tikkuntentah frott il-biżà għal ħajjitha.
Wara li lesta r-raġel qalilha li reġa’ bdielu u ma kienx se joqtolha. Hu serqilha basket li kien fih flus, ċwievet, dokumenti kif ukoll mobile u tefahha barra mill-karozza.
Il-Pulizija għamlet tfittxija għal vettura ta’ lewn oranġjo fl-inħawi tal-Mellieħa u l-madwar, fejn allegatament joqgħod ir-raġel. Madankollu la l-vettura u lanqas ir-raġel baqgħu ma nstabu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. Ir-raġel għadu mfittex mill-Pulizija.
//= $special ?>