Lokali

‘Nagħmlu Differenza’ – tibda l-maratona ġbir ta’ fondi tal-PN

Fid-Dar Ċentrali bdiet il-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Nazzjonalista, b’trasmissjoni li qed tixxandar LIVE fuq Net Television. Il-maratona qed issir b’rabta mal-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-11 ta’ April li ġej.

Il-Maratona, bit-tema “Nagħmlu Differenza”, tibqa’ sejra sa nofsillejl f’xandira DIRETTA fuq NET Television u skeda speċjali fuq Radio 101, li se jxandar mill-foyer tad-Dar Ċentrali.

Matul il-Maratona, il-pubbliku se jkollu ċ-ċans jiltaqa’ u jsir jaf mill-qrib lill-kandidati kollha li se jikkontestaw l-elezzjonijiet lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista. Minħabba li l-Maratona qed issir fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa, se jkun hemm temi partikulari, fosthom dawk soċjali.

Din se tkun opportunità oħra għall-familji kollha Maltin u Għawdxin biex jiġu d-Dar Ċentrali u filwaqt li jgħinu lill-Partit Nazzjonalista, ikollhom l-opportunità jiddevertu u anke jirbħu rigali sbieħ.

Iktar tard mistennija jattendu wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, il-Viċi Kapijiet, id-Deputati u l-Uffiċjali tal-Partit, kif ukoll il-Membri Parlamentari Ewropej li lkoll se jiltaqgħu mal-pubbliku li jattendi.