Sport

Seminar mill-GħĠS dwar il-‘match fixing’

Dan l-aħħar l-Għaqda Ġurnalisti Sport organizzat seminar edukattiv għall-membri tagħha bit-tema ‘Say No to match-fixing’. Is-seminar tmexxa minn Franz Tabone li ilu għal dawn l-aħħar 50 sena nvolut fil-futbol kemm bħala plejer kif ukoll amministratur u sa mill-2011 jokkupa l-kariga bħala Integrity Officer tal-MFA.

Tabone ndirizza diversi aspetti relatati ma’ din it-tema u bl-esperjenza u l-għarfien li għandu f’dan il-qasam iddiskuta wkoll kif il-media għandha rwol importanti x’taqdi biex tkabbar il-kuxjenza dwar din il-pjaga. Dawk preżenti kellhom ukoll l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom.

Is-seminar kien indirizzat mill-President tal-GħĠS Charles Camenzuli li saħaq fuq ir-rwol tal-media li tgħid ‘Le għall-korruzzjoni’ u kif anke permezz tal-media soċjali, il-ġurnalisti sportivi għandhom rwol importanti x’jaqdu bil-għan li jedukaw il-pubbliku ġenerali fuq il-każ li direttament jew indirittament qed issir sfida.

Fi tmiem is-seminar f’isem l-GħĠS u bħala Segretarju Ġenerali tal-AIPS ippreżenta lil Franz Tabone bil-ktieb tad-90 Anniversarju tal-AIPS li jkopri 90 sena storja ta’ media fl-isport internazzjonali.