Ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni kellha laqgħa ma’ esperta tas-sigurtà fuq l-internet minħabba l-biża’ li l-Familja Rjali setgħet sfat fil-mira ta’ spiji barranin jew ta’ hackers.
Il-professur Sadie Creese, mill-Università ta’ Oxford, kellha laqgħat privati mar-Reġina u mal-Prinċep Philip fejn tkellmu dwar il-ħtieġa ta’ iktar sigurtà fuq l-internet, fosthom għall-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-Familja Rjali.
Ftit ġimgħat ilu, il-Prinċep William, il-Prinċep Harry u l-kuġini tagħhom, il-Prinċipessa Beatrice u l-Prinċipessa Eugenie ntalbu jibdlu l-indirizzi tagħhom tal-email u jnaqqsu mill-attività fuq il-midja soċjali minħabba l-periklu li tinsterqilhom informazzjoni mingħand hackers.
Dan seħħ wara li l-Prinċipessa Beatrice, li kienet taħdem bħala apprendista ma’ Sony Pictures, kellha informazzjoni privata tagħha li ġiet ippubblikata fuq l-internet. Din kienet tinkludi dettalji ta’ kemm titħallas, l-indirizz tagħha u informazzjoni oħra kunfidenzjali. Aktarx kien hemm il-Korea ta’ Fuq wara dan l-attakk bi tpattija għall-film ta’ Sony Pictures dwar il-qtil fittizju tal-mexxej tal-Korea ta’ Fuq.
L-erba’ neputijiet tar-Reġina Eliżabetta ntalbu jagħmlu bidliet urġenti fl-accounts tagħhom fuq l-internet wara li uffiċjali tas-sigurtà sabu theddida ta’ serq ta’ informazzjoni, aktarx mir-Russja.
//= $special ?>

