Għawdex Kunsilli Lokali Lokali

€127,185 f’donazzjonijiet mill-poplu Malti u Għawdxi biex il-PN ikompli jagħmel id-differenza

Il-poplu Malti u Għawdxi lbieraħ għen lill-Partit Nazzjonalista biex ikompli jagħmel differenza, anke fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-11 ta’ April li ġej, meta ta €127,185 f’donazzjonijiet waqt il-Maratona Ġbir ta’ Fondi fid-Dar Ċentrali tal-Partit f’Tal-Pietà.

Il-Maratona baqgħet għaddejja sa tard filgħaxija bi trasmissjonijiet speċjali fuq NET Television u Radio 101. Fi tmiem il-Maratona, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil irringrazzja lil kullmin ta d-donazzjoni tieghu, filwaqt li sahaq li l-Partit Nazzjonalista sejjer għal dawn l-elezzjonijiet biex jagħmel id-differenza.

Matul il-Maratona, il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar kif anke mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel differenza pożittiva għan-nies. Qal li din hi elezzjoni għall-Kunsilli Lokali u għalhekk il-ħidma tal-Partit hi ffukata fuq il-lokalitajiet bi żjarat fid-djar tan-nies u l-komunitajiet. Sostna li n-nies qed jilqgħu lill-Partit Nazzjonalista fi proċess li fih il-Partit qed jerġa’ jinbena billi jitkellem man-nies. Fakkar kif, fuq kollox, kien il-Partit Nazzjonalista li insista li jsiru dawn l-elezzjonijiet għax il-Prim Ministru Muscat ma riedx li dawn isiru.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li hu mweġġa’ li n-nies tara l-politiċi u l-politika bħala maħmuġin, filwaqt li sostna li Muscat iħammeġ il-politika billi jitfa’ fiha allegazzjonijiet waqt il-kampanji. Dan mhuwiex il-mod kif irrid nagħmel il-politika, iddikjara Simon Busuttil, li qal li hu jibni l-politika fuq l-onestà. Għalhekk hu lest jieħu kull deċiżjoni meħtieġa, anke jekk dawn ikunu iebsa, biex il-politika ssir bi stil differenti. Hu sostna li l-Partit Nazzjonalista jinsab fit-triq tas-sewwa u determinat li jimxi din it-triq u jasal.