Internazzjonali

Filmat tal-aħħar sekondi tat-titjira Germanwings juri konfużjoni u twerżieq

Filmat li allegatament inġibed minn telefon ċellulari fuq it-titjira Germanwings, ftit sekondi qabel l-ajruplan baqa’ dieħel fl-Alpi Franċiżi, juri kif fl-aħħar sekondi qabel il-ħabta, il-passiġġieri kienu jafu li se jseħħ l-inċident.

Il-filmat, li ġie rrappurtat li nstab qalb it-tifrik tal-ajruplan, allegatament hu twil ftit sekondi, imċaqlaq ħafna u juri lill-passiġġieri jwerżqu u tinstema’ l-frażi “O Mulej!”, qabel l-ajruplan baqa’ dieħel fil-muntanja u qatel il-150 passiġġier abbord.

Skont ma qed jingħad, il-filmat ittieħed minn kard tal-memorja li nstabet fost il-fdalijiet minn sors qrib l-investigazzjoni. Kelliema għall-ġurnal Ġermaniż Bild u għall-magazine Paris Match qalu li ġurnalisti tagħhom raw il-filmat li fih jinstemgħu wkoll daqqiet b’ħoss metalliku, aktarx tal-pilota li kien qed jipprova jkisser il-bieb tal-kabina tal-piloti meta Andreas Lubitz ma fetaħlux.

Imma l-Logutenent il-Kurunell Jean-Marc Menichini, li hu uffiċjal għoli fl-investigazzjonijiet, ċaħad għal kollox li nstab xi filmat minn xi telefon ċellulari.

L-aħbar dwar dan il-filmat ħarġet hekk kif il-magazine Pariġin ippubblika l-aħħar konverżazzjoni bejn Lubitz u l-pilota fejn Lubitz deher iħeġġeġ lill-kaptan biex iħallih waħdu fil-kabina tal-piloti.

It-tfajla ta’ Lubitz, Kathrin Goldbach, qalet li ma kinitx taf li Lubitz kellu problemi daqshekk serji minkejja li mar għand it-tabib kemm-il darba fl-aħħar xhur. Il-Prosekuturi qed jgħidu li Lubitz mar għand tobba minħabba d-dipressjoni, almenu tliet darbiet minn Frar li għadda.

Lubitz mar jara wkoll speċjalista tal-għajnejn minħabba l-biża’ li kien qed jitlef id-dawl, kundizzjoni li kienet twassal biex jitlef il-liċenzja ta’ pilota. L-investigaturi qed iqisu din bħala l-mottiv prinċipali għal dak li għamel.