Editorjal

Għall-ewwel darba, aħna ċ-ċittadini se nikkmandaw lill-politiċi

Bħal nhar is-Sibt li ġej ġimgħa, fil-11 t’April, għall-ewwel darba fl-istorja f’Malta se jkollna referendum abrogattiv, jiġifieri referendum mitlub minn parti mill-poplu stess biex l-elettorat jara jekk ibiddilx xi ħaġa li l-politiċi ma jidhrilhomx li għandhom ibiddlu. Dan hu għalkollox differenti mir-referenda konsultattivi li saru s’issa f’Malta mis-snin ħamsin u li fihom kull darba l-maġġoranza fil-Parlament organizzat referendum hi biex tara l-poplu jaqbilx ma’ xi pożizzjoni tagħha jew tal-Gvern.

L-ewwel darba li se neżerċitaw dritt mogħti lilna minn Gvern Nazzjonalista

Bil-maqlub tar-referenda kollha li saru s’issa f’Malta, li kienu kollha konsultattivi, żewġ Sibtijiet oħra se tkun l-ewwel darba li aħna ċ-ċittadini ta’ dawn il-gżejjer se neżerċitaw dritt mogħti lilna minn Gvern Nazzjonalista b’liġi li kien għadda fl-1996, 19-il sena ilu, imma li l-Gvern Laburista li tela’ dik is-sena stess kien irrifjuta li jressaqha għall-firma tal-President. Il-liġi tar-referendum abrogattiv daħlet fis-seħħ bil-firma tal-President malli reġa’ tela’ Gvern Nazzjonalista fl-1998.

Għall-ewwel darba, aħna ċ-ċittadini se ngħidu lill-politiċi x’għandhom jagħmlu

B’dik il-liġi, il-Partit Nazzjonalista ta d-dritt lil 10% taċ-ċittadini li jitolbu vot biex il-maġġoranza tiddeċiedi jekk għandhiex titneħħa xi liġi ordinarja jew regolament li l-Parlament ma jkunx irid ineħħi. U għalhekk dan hu dritt kbir: il-Partit Nazzjonalista wera tant fiduċja fin-nies li tahom id-dritt li jitolbu li titneħħa liġi jew regolament li forsi hu stess jaħseb li għandhom jibqgħu – dritt kbir u fiduċja kbira fin-nies.

Simon Busuttil u Joseph Muscat qed jaqblu bejniethom, imma niddeċiedu aħna

Dak li żewġ Sibtijiet oħra se naraw jekk inneħħux hu regolament li fuqu, fil-fatt, il-mexxejja ewlenin tal-pajjiż jaqblu t-tnejn li għandu jibqa’. It-tnejn diġà qalu wkoll li f’dan ir-referendum abrogattiv se jivvutaw l-istess bħal xulxin. U hawn toħroġ l-importanza ta’ dan il-vot: li aħna se niddeċiedu, irrispettivament minn x’jgħidu l-politiċi. Simon Busuttil qed jagħmilha ċara ħafna wkoll li f’dan ir-referendum abrogattiv se jħalli lilna mija fil-mija liberi biex nivvutaw kif irridu aħna.

Il-politiċi huma ċittadini sempliċi fir-referendum abrogattiv

Ħlief biex naqtgħu l-kurżità, il-pożizzjoni tal-politiċi fir-referendum abrogattiv fil-fatt hi assolutament bla ebda rilevanza u bla ebda importanza. Jaħsbu x’jaħsbu Simon Busuttil u Joseph Muscat, dak li niddeċiedu aħna se jgħodd u mhux l-opinjoni tagħhom li f’referendum abrogattiv tiswa eżatt daqs tagħna – kollha ċittadini ndaqs eżatt. Għal darba, dak li niddeċiedu aħna se jitwettaq, jaħsbu x’jaħsbu huma.

Niċċelebraw din l-ugwaljanza perfetta u dan l-iżvilupp fid-demokrazija tagħna

Għalhekk, aħna u nixħtu l-vot tar-referendum abrogattiv fil-11 ta’ dan ix-xahar, ejja bħala ċittadini niċċelebraw din l-ugwaljanza perfetta bejnietna. Bil-vot tar-referendum abrogattiv, m’hemmx mexxejja u mmexxijin: għall-ewwel darba se niddeċiedu mija fil-mija aħna ċ-ċittadini, u mhux skont x’talbuna jew skont x’jaħsbu l-politiċi. Niċċelebraw ukoll dan l-iżvilupp fid-demokrazija tagħna li bih, flok rappreżentanti jikkmandawna għal ħames snin, se nikkmandawhom aħna.