Lokali Parlament Saħħa

Il-Gvern ftiehem ma’ Barts b’memorandum of understanding

Il-Ministru Cardona jgħid li l-ftehim hu magħluq u l-uniku memorandum of understanding iffirmat ma’ Barts kien dak ta’ ġimagħtejn ilu u mhux dak li kien tħabbar u rappurtat fil-media aktar minn sena ilu

Il-Gvern kien konfuż, mhux ċar u b’diversi messaġġi differenti dwar dak li l-Gvern iffirma mal-Iskola Medika ta’ Barts hekk kif fil-Parlament, il-Ministru Chris Cardona baqa’ jaħrab li jwieġeb mistoqsijiet sempliċi, u li l-Oppożizzjoni nsistiet għal tweġibiet ċari.

Il-Ministru Cardona ddikjara li se tkun l-Iskola Medika ta’ Barts li permezz ta’ memorandum of understanding li kien iffirmat ix-xahar li għadda, se tkun qed tinvesti €200 miljun, filwaqt li baqa’ ma jweġibx il-mistoqsija tax-Shadow Minister Claudio Grech li staqsa minn fejn se tkun qed topera Barts u jekk hix se tingħata art, u f’każ li se tingħata mill-Gvern, liema proċedura se ssegwi mill-Gvern biex isir dan it-trasferiment.

Il-Ministru Cardona qal li l-ftehim hu magħluq, filwaqt li qal ukoll li jridu jsiru aktar taħditiet biex ikun implimentat dak li diġà miftiehem.

Il-Ministru Cardona kkontradixxa wkoll dak li kien intqal mill-istess membri tal-Gvern tiegħu, hekk kif qal li l-uniku memorandum of understanding li ġie ffirmat ma’ Barts kien issa, ġimagħtejn ilu, meta rapporti fil-media kienu rrappurtaw aktar minn sena ilu, li l-Gvern kien iffirma memorandum of understanding.

Għal mistoqsija mid-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi biex il-Ministru jkun ċar dwar meta u kemm il-memorandum of uderstanding kien iffirmat, il-Ministru Cardona baqa’ jirrepeti li l-uniku ftehim li ntlaħaq kien il-memorandum of understanding li ġie ffirmat ix-xahar li għadda, filwaqt li ċaħad li kien iffirmat xi memorandum of understanding ieħor.

Il-Ministru Cardona lanqas ma kien f’pożizzjoni jwieġeb anke mistoqsijiet tad-Deputat tal-Gvern, Etienne Grech, dwar l-investiment ippjanat f’San Luqa u f’Karen Grech, bil-Ministru jirreferih jagħmel il-mistoqsijiet lill-Ministru responsabbli mis-saħħa.

Ix-Shadow Minister Claudio Grech baqa’ jinsisti li l-Ministru Cardona jwieġeb il-mistoqsija sempliċi dwar jekk il-Gvern hux se jgħaddi art jew bini lill-Iskola Medika barranija, u kif se jkun qed jagħmel dan, jekk hux b’riżoluzzjoni fil-Parlament għat-trasferiment tal-art jew bini, jew jekk hux bi proċedura oħra.

Claudio Grech talab lill-Ministru jispjega liema se jkun is-sit jew il-binja li l-Iskola Medika ta’ Barts se tkun qed twaqqaf il-fergħa tagħha f’Għawdex hekk kif diġà tħabbar li din se tiftaħ fis-sena skolastika li jmiss.

Il-Ministru Cardona rrimarka li l-Gvern għadu ma ddeċidix liema proċedura se ssegwi biex tingħadda l-art jew il-binja lill-iskola Medika ta’ Barts hekk kif baqa’ jiddikjara li l-ftehim hu magħluq u konkluż.