Internazzjonali

IL-KAŻ TAL-GERMANWINGS: Ifeġġ filmat minn ġewwa l-ajruplan

Brice Robin, li qed imexxi l-investigazzjoni Franċiża, fit-traġedja tal-Germanwings,l-Erbgħa wissa li kull min għandu fil-pussess tiegħu filmat tat-traġedja, irid jagħti l-filmat lill-awtoritajiet.
Dan wara li kemm fil-media Franċiża, kif ukoll f’dik Ġermaniża kien rappurtat li kienu nstabu filmati meħuda mill-passiġġieri abbord l-Airbus Ġermaniż, li juru dak li kien għaddej qabel ma l-assistent bdot Andreas Lubitz saq l-ajruplan għal ġol-Alpi Franċiżi. Dan filwaqt li qed ikomplu joħorġu aktar dettalji ta’ ċerti nuqqasijiet, hekk kif kien fatt magħruf li Lubitz kellu problemi mentali u kien ilu s-snin ibati bihom.
Skont Robin, l-awtoritajiet kienu għadhom ma bdewx jinvestigaw il-mowbajls li nstabu s’issa fil-post fejn iġġarraf l-Airbus tal-Germanwings u sa fejn kien jaf hu, ma kienx infurmat li kienu nstabu xi filmati f’xi mowbajls li nstabu.
Kemm ir-rivista Franċiża ‘Paris Match’, kif ukoll il-ġurnal Ġermaniż ‘Bild’ qalu li kellhom għandhom filmat miġbud minn passiġġier fl-aħħar mument qabel l-ajruplan ħabat. Intqal li fih jinstema’ ħafna twerżiq tal-passiġġieri kif ukoll tisbit kbir, aktarx fuq il-bieb tal-kabina tal-pilotaġġ fejn kien maqful Lubitz.