Lokali

Il-MAM kontra l-‘privatizzazzjoni’ ta’ sptarijiet

L-assoċjazzjoni tat-tobba Maltin (MAM) sostniet li ma taqbilx mal-‘privatizzazzjoni’ tas-servizz pubbliku tas-saħħa f’Għawdex, tal-isptar Karin Grech u ta’ faċilitajiet oħra li jistgħu jissemmew fil-futur u li llum jipprovdu servizz tas-saħħa nazzjonali mingħajr ħlas.

F’dikjarazzjoni, il-MAM qalet li għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejn min jipprovdi s-servizz b’mod pubbliku u min b’mod privat, peress li l-għanijiet tat-tnejn huma kompletament differenti. Spjegat li s-servizz pubbliku għandu jipprovdi servizz effiċjenti u sostenibbli, l-iktar għal min hu f’riskju jew jinsab fil-faxxa tal-faqar, waqt li s-servizz privat għandu l-għan li jagħmel il-qliegħ.

Il-MAM qalet li waqt li tifhem li l-Gvern jista’ jara bħala pożittiv il-fatt li investitur privat jibni faċilitajiet ta’ sptar mingħajr ebda spiża lill-Gvern, il-ħlas fit-tul ta’ kera mill-Gvern kapaċi ma jkunx valur għall-flus u jista’ joħloq diffikultà għas-sostenibilità fit-tul tas-servizz tas-saħħa mill-Gvern kif ġara f’xi pajjiżi barranin.

L-assoċjazzjoni qalet ukoll li tifhem l-intenzjoni pożittiva tal-Ministeru tas-Saħħa imma appellat biex isiru iktar studji professjonali, inkluż tal-vijabilità finanzjarja, qabel jittieħdu deċiżjonijiet fit-tul li mbagħad ikunu impossibbli li jitreġġgħu lura.

Skont il-MAM, l-iżviluppi proposti mill-Gvern mhumiex skont il-politika li l-istess Gvern bagħat lill-UE, u l-Gvern għandu jagħti prijorità lil setturi oħra tas-saħħa fosthom il-kura primarja, it-tabib tal-familja u l-iżvilupp ta’ iktar servizzi għall-anzjani u kura paljattiva.

Spjegat li hemm medja ta’ 100 pazjent fl-isptar Mater Dei jistennew li jintbagħtu f’dar tal-anzjani u dan qed iwassal għal 100 pazjent li jeħtieġu kura akuta li madankollu qed jiġu kkurati fil-kurituri f’kundizzjonijiet li huma medikament inaċċettabbli. Għalhekk, waqt li laqgħet iż-żieda ta’ 200 sodda fl-isptar Mater Dei, il-MAM ħeġġet biex l-isptar Boffa, li se jibqa’ vojt minħabba l-ftuħ taċ-Ċentru tal-Onkoloġija, jinbidel f’ċentru għall-kura paljattiva.

Laqgħet il-ftuħ ta’ skola medika f’Għawdex li tista’ tkun fattibbli, għalkemm wissiet biex ma jiġux affettwati s-servizzi mediċi f’Mater Dei, fejn isir it-taħriġ lill-istudenti, biex jinżammu l-istandards ta’ kwalità.

Iddeskriviet il-ftuħ ta’ żewġ sptarijiet privati ġodda b’250 sodda l-wieħed bħala opportunità għat-tobba imma wissiet li t-tentattivi li saru s’issa fil-qasam tat-turiżmu mediku, fallew u li s-suq ma kienx jiflaħ għal żewġ sptarijiet b’total ta’ 120 sodda. Għalhekk staqsiet kemm jistgħu jkunu vijabbli fit-tul.