Mill-inqas disa’ persuni mietu minħabba r-riħ qawwi li laqat lill-Ġermanja, l-Awstrija, l-Iżvizzera u r-Renju Unit.
Seba’ persuni nqatlu fil-Ġermanja, fosthom żewġt irġiel li l-karozza tagħhom intlaqtet minn siġra. Skont il-ġurnali Ġermaniżi, kien hemm għexieren ta’ persuni li weġġgħu meta ntlaqtu minn friegħi tas-siġar li ttajru mir-riħ.
Fl-Awstrija, raġel miet wara li ħabat rasu meta waqa’ minn sellum waqt li kien qed jipprova jorbot tinda fil-bitħa tiegħu.
Fir-Renju Unit, raġel indarab wara li siġra waqgħet fuq il-karozza tiegħu li għaffġitha kompletament.
Skont rapporti uffiċjali, ir-riħ fl-għola muntanja fil-Ġermanja, Zugspitze, laħaq il-190 kilometru fis-siegħa. Tħarbtu s-servizzi tal-ferrovija u t-titjiriet f’ajruporti bħal Frankfurt, u fi Munich stazzjon kellu jiġi evakwat minħabba biża’ li jċedi s-saqaf.
Fl-Olanda, ir-riħ tela’ sa 120 kilometru fis-siegħa u qaleb anke trakkijiet f’diversi toroq.
//= $special ?>