Aħna, it-tmien Kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni lokali f’Raħal Ġdid, xtaqna naqsmu magħkom ħsibijietna, speċjalment intom li se tivvutaw f’Raħal Ġdid jew tafu lil min hu votant f’din l-akbar belt fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. L-ewwelnett, din hi l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta aktar Kandidati mill-Partit Laburista f’Raħal Ġdid, li hu magħruf sew kemm għandu maġġoranza qawwija ta’ votanti Laburisti.
Din hi l-aktar kandidatura varjata u mifruxa f’età, fl-esperjenza u fiż-żgħożija li l-Partit Nazzjonalista qatt ippreżenta f’Raħal Ġdid. Iżda l-aktar ħaġa li xtaqna ngħidu hi li qatt daqs din id-darba ma kellna kandidatura magħquda u magħġuna għal Raħal Ġdid, anke jekk ninsabu tmien Kandidati. U aħna kburin li nagħmlu parti minn din il-kandidatura għax irridu Raħal Ġdid aħjar.
Raħal Ġdid sar l-akbar ċentru kummerċjali fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, bil-bosta, u t-tielet l-akbar f’Malta. Dan ġab u qed iġib miegħu bżonnijiet, ħtiġijiet u sfidi mhux żgħar. Ovvjament, l-akbar sfida hi l-parkeġġ, iżda mhux biss. Pereżempju, l-isfida tal-indafa f’Raħal Ġdid inħossu li tista’ tiġi indirizzata ferm aħjar. Żġur li fost l-akbar sfidi li l-Pawlisti għandna, hemm li jkollna Kunsill Lokali mmexxi minn Kunsillieri ta’ sinsla, li huma kapaċi u li tassew iħobbu lil Raħal Gdid. Kunsillieri li għalihom Raħal Ġdid jiġi qabel il-partit tagħhom. Dan aħna nemnuh.
Fl-aħħar xhur, dorna kull rokna ta’ Raħal Ġdid sew individwalment, kif ukoll kull ġimgħa flimkien, bħala tim wieħed, mad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li hu wkoll minn Raħal Ġdid u għenna lkoll. Ħabbatna u għadna nħabbtu lil kull familja, dar dar. Minn hawn, nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk kollha li laqgħuna għandhom u jekk għal xi raġuni kien hemm min, meta żorna t-triq tiegħu ma kienx hemm u jixtieq jiltaqa’ magħna, jista’ jagħmel kuntatt magħna biex jiġi jżuru l-Kandidat li jixtieq.
Mill-familji li żorna, tgħallimna u qsamna esperjenzi ħelwin u ta’ qsim il-qalb. Minn dik l-omm imbikkma li jumejn qabel ma morna għandha kienet għadha kemm difnet lil binha, għal koppji li għadhom kemm iżżewġu jew ġew joqgħodu f’Raħal Ġdid. Iltqajna, u mhux każ jew tnejn, ma’ bosta li vvutaw Labour fl-aħħar elezzjoni ġenerali għax ġew imwiegħda xi ħaġa partikolari u llum indunaw li baqgħu b’xiber imnieħer u jinsabu diżappuntati bil-Gvern li daħaq bihom. Sirna nafu aktar mill-viċin bi problemi ta’ nuqqas ta’ manutenzjoni tat-toroq u kemm dan qed iġib inkonvenjent.
Kemm kien hemm li min qaliln li, iżda, il-Gvern fejn irid isib il-miljuni biex iberbaq, bħalma għamel fil-każ tal-Cafè Premier jew fuq il-pagi esaġerati għal tal-qalba. Rajna l-effetti tal-inkompetenza tat-tmexxija Laburista fil-Kunsill Lokali matul l-aħħar tliet snin. Biss biss, il-proġett li tant ftaħru bih, sew Joseph Muscat tliet snin ilu u anke s-Sindku preżenti, għall-pjazza prinċipali ta’ Raħal Ġdid baqa’ fuq il-karta. Kienu wegħduna li kien se jkun lest sal-lum. Kien u għadu fuq il-pjanta li vvutaw għaliha l-Pawlisti tliet snin ilu, meta b’ħafna pompa ġie jaraha Joseph Muscat. Għax tassew li l-Labour ma jżommx kelmtu, anke fuq livell lokali.
Fl-aħħar leġiżlatura, Gvern Nazzjonalista għamel numru sabiħ ta’ proġetti ta’ fejda għal Raħal Ġdid, bħall-pjazza quddiem il-Knisja ta’ Santa Ubaldeska u l-portiku taz-zuntier tal-Knisja ta’ Kristu Re. Kien ukoll avvanzat ħafna l-proċess quddiem il-MEPA għal proġett kbir fil-grawnd ta’ Pace Grasso, fejn kieku sal-lum wasal biex jitlesta l-proġett ta’ Skola Sekondarja ġdida, Ċentru tas-Saħħa ġdid u parkeġġ għal 700 vettura. Imma ħasra li dan il-Gvern qatel dan il-proġett appena ġie elett sentejn ilu. U marru minn taħt il-Pawlisti.
B’sens ta’ servizz, umiltà iżda wkoll determinazzjoni, nersqu quddiem il-Pawlisti għall-fiduċja tagħhom. Garanzija waħda se nagħtu: min minna se jkun elett, se jaħdem bil-qalb għal Raħal Ġdid aħjar. Nistednuk tgħinna nagħmlu differenza flimkien għall-aħjar f’Raħal Ġdid.
Ivan Bartolo – info@ivanbartolo.com
Roderick Caruana – caruana.roderick@gmail.com
Rita Delezio – rita.delezio @gmail.com
Mark Ferris – mferrs175@gmail.com
Aaron Micallef – aaronmicallef@outlook.com
Tyron Muscat – tyronemuscat.paola@gmail.com
Michael Piccinino – michael.r.piccinino@gmail.com
Carmen Vella – carmenvella46@hotmail.com